Budget 2018 Lokali

“Lesti ngħinu, Gvern bla pjan” – Adrian Delia, Kap tal-Oppożizzjoni

“L-Oppożizzjoni lesta li tgħin lill-Gvern bla pjan”.

Kienet din l-ewwel reazzjoni tal-Oppożizzjoni għad-diskors tal-budget waqt konferenza tal-aħbarijiet li ta l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fil-bini tal-Parlament ftit ħin wara li tħabbar id-diskors tal-Budget.

Punti Pożittivi tal-Budget:

Il-Kap tal-Oppożizzjoni beda l-konferenza tal-aħbarijiet billi ffoka fuq il-lati pożittivi tal-budget. Fost il-punti li rrefera għalihom kien hemm:

  •   Iż-żieda ta’ ġurnata leave lill-ħaddiema
  •   It-trasport b’xejn għall-istudenti li kienet proposta ta’Simon Busuttil
  •   L-għotja ta’ €10,000 lil koppji li jaddottaw tarbija
  •   Il-bidliet li saru fil-Community Workers Scheme

Il-Kap tal-Oppożizzjoni ta r-reazzjoni tal-Oppożizzjoni dwar il-proposti tal-budget u kif dawn se jolqtu erba’ oqsma ewlenin.

Pensjonijiet:

Adrian Delia qal li d-diskors tal-budget injora għal kollox ir-riforma tal-pensjonijiet u ma jagħmel l-ebda referenza għas-second pillar pension. Qal li ż-żieda ta’ żewġ ewro tħalli lill-pensjonanti fejn kienu u żgur mhux se tgħinhom biex jixtru l-mediċini tagħhom. Ikkritika lill-Gvern li bi ħsiebu jieħu d-djar lill-anzjani biex ipoġġi lill-anzjani fid-djar tal-anzjani.

Kollox ma’ kollox, saħaq Adrian Delia, kollox jindika li dan il-Gvern ma għandux pjan għall-futur tal-pensjonijiet tal-anzjani.

Traffiku u Infrastruttura:

Adrian Delia rrefera għall-wegħda tal-Gvern Laburista li jsiru t-toroq kollha fi żmien seba’ snin u qal li l-Oppożizzjoni tistenna li sas-sena d-dieħla jkunu saru 15% tat-toroq f’Malta. Huwa rrefera għad-diskors tal-budget li qal li fl-2018 se tkun qed titwaqqaf aġenzija li se tkun qed tiffoka fuq il-problema tat-traffiku bil-Kap tal-Oppożizzjoni jistaqsi s-seba’ snin imwiegħda jibdewx minn wara l-elezzjoni jew minn meta tibda twettaq il-ħidma tagħha din l-aġenzija.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni fakkar li d-diskors tal-budget ma semma xejn dwar l-infrastruttura.

Edukazzjoni:

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li dan id-diskors tal-budget ma jindirizzax il-kriżi fl-edukazzjoni. Huwa innota li anke fil-wegħda tal-bini ta’ skejjel ġodda donnha weħlet l-istess diska għax il-Gvern irrepeta l-istess lista ta’ skejjel li ta s-sena l-oħra.

Meta kien qed jirreferi għall-wegħda li l-eżamijiet tal-MATSEC u s-SEC jiġu b’xejn, il-Kap tal-Oppożizzjoni fakkar li 30% tal-istudenti ma ġabux ir-riżultati tal-MATSEC u s-SEC u għaldaqstant kien ikun iktar għaqli li kieku l-Gvern indirizza din il-problema kif ukoll il-problema tar-rata għolja ta’ early school leavers li hawn f’pajjiżna.

Turiżmu:

Meta kien qed jitkellem fuq il-qasam turistiku, Adrian Delia fakkar li fid-diskors tal-budget ma ssemma xejn dwar l-AirMalta u qal li dan huwa nuqqas serju meta wieħed jikkunsidra li 40% tat-turisti li jżuru pajjiżna jiġu permezz tal-kumpanija nazzjonali ttal-ajru.

 

X’nesa l-Gvern fid-diskors tal-Budget?

Adrian Delia rrefera għal numru ta’ punti li ma ssemmewx fid-diskors tal-budget. Fost dawn huwa semma l-ħaddiema tal-manifattura u n-nuqqas ta’ referenza lejn middle class ġdida. L-ebda referenza lanqas lejn is-settur tal-isport f’pajjiżna.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq li l-Gvern ħasel idejh kompletament mill-kwistjoni tal-kera minkejja li l-prezz tal-kera żdied għal bejn 50% u 60% ta’ dak li jaqilgħu l-ħaddiema b’paga medja. Huwa qal li l-gvern injora kompletament din il-problema u minflok għażel li jidħol direttament bejn il-persuni privati li jagħmlu kuntratti ta’ kera.

Adrian Delia fakkar li l-Maltin għadhom qed iħallsu fost l-ogħla prezzijiet għall-petrol u d-diesel bil-Gvern ma jindirizzax bl-ebda mod il-problema tat-traffiku f’pajjiżna.

Dwar l-enerġija, Adrian Delia qal li d-diskors tal-budget ma jurix viżjoni ta’ fejn se jkun pajjiżna fil-qasam tal-enerġija għoxrin jew tletin sena oħra. Ma hemm l-ebda pjan għall-enerġija alternattiva għajr għal referenza waħda  għal solar farm.

L-istess dwar il-programm tal-IIP bid-diskors tal-budget jinkludi biss paragrafu wieħed dwar din l-iskema mingħajr ma jingħad kemm daħħalna minn din l-iskema, kemm bi ħsiebna ndaħħlu u kif se nonfqu dak li daħħalna.

Adrian Delia fakkar li mhemm l-ebda referenza lejn il-bdiewa u s-sajjieda, lejn l-animal welfare, il-kunsilli lokali u l-kultura minkejja li din is-sena l-Belt Valletta se tkun il-Belt Kapitali tal-Kultura.

Dwar Għawdex id-diskors tal-budget jitkellem biss dwar il-pjan long term li jsiru studji ġeoloġiċi dwar il-mina bejn Malta  u Għawdex mingħajr ma ssir referenza għal pjani short term u medium term.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni fakkar li hemm biss erba’ linji dwar il-kriminalità u s-sigurtà f’pajjiżna bħal ma hemm xejn dwar il-kontijiet tad-dawl għall-industrija f’pajjiżna.

Meta kien qed jiffoka fuq is-surplus, Adrian Delia tenna li hija gidba li s-surplus qed imur biex iħallas id-dejn ta’ pajjiżna u fakkar li taħt Gvern Laburista d-dejn żdied b’elf miljun ewro. Minkejja li hemm din iż-żieda fis-surplus, Adrian Delia fakkar li ma kienx hemm żieda qawwija fiż-żieda tal-għoli tal-ħajja. Dan iwassal biex nistqasu “Fejn qed imur is-surplus ta’ pajjiiżna?’

Meta kien qed jagħmel il-konklużjoni tiegħu, Adran Delia saħaq

“Jekk kont qed teħel fit-traffiku, għada se tibqa’ teħel fit-traffiku, jekk kont f’xifer il-faqar għada se tibqa’ fil-faqar, jekk kellek kundizzjonijiet diffiċli ta’ xogħol, għada se tibqa’ fil-prekarjat”.

“Dan huwa Gvern bla pjan. Aħna lesti ngħinu lil dan il-gvern biex joħloq industriji ġodda, jippremja l-bżulija, jinċentiva l-manifattura, jagħti importanza lill-ambjent u fuq kollox biex intejbu l-ħajja tan-nies” temm jgħid Adrian Delia.