Il-partiti taċ-ċentru lemin Ġermaniżi , is-CDU u s-CSU, ħabbru li waslu fi qbil biex ikun hemm limitu fuq in-numru ta’ immigranti li jistgħu jidħlu fil-Ġermanja kull sena.
Il-Partit CDU tal-Kanċillier Ġermaniż, Angela Merkel u l-partit sieħeb tiegħu CSU (fil-Bavarja) qalu li jridu jnaqqsu l-ammont annwali ta’ immigranti għal 200,000. Iżda dan in-numru, fil-fatt, jista’ ‘jiżdied jew jitbaxxa’ mill-Parlament b’reazzjoni għal kwalunkwe kriżi futura tar-refuġjati.
Il-kwistjoni tal-immigranti serviet bħala ostaklu kbir bejn dawn iż-żewġ partiti li qed jippreparaw għal taħditiet għal koalizzjoni mal-entità politika FDP, li hi favur il-kummerċ, u l-Ħodor. Dan bil-iskop li huma jiffurmaw Gvern ġdid f’Berlin wara l-elezzjoni nazzjonali tax-xahar li għadda.
Il-kompromess dwar l-immigranti kien meħtieġ ħafna wara d-differenzi bejn Merkel u l-Kap tas-CSU, Horst Seehofer, rigward il-limitazzjoni għall-immigranti – b’din il-kwistjoni ddum għaddejja għal kważi sentejn. Kienet Angela Merkel li, qabel, irrifjutat limitazzjoni, waqt li s-CSU insista li jkun iffissat numru ta’ immigranti stabbilit fis-sena.
Il-kwistjoni tal-immigranti mistennija jkollha rwol kbir fin-negozjati li jmiss għal koalizzjoni fil-Ġermanja peress li l-Ħodor huma opposti għal sistemi li jnaqqru d-drittijiet għall-kenn politiku.
Merkel taqbel fuq limitu għall-immigranti


