Internazzjonali

In-NATO ma tridx Gwerra Bierda oħra mar-Russja

Jens Stoltenberg, is-Segretarju Ġenerali tan-NATO

Is-Segretarju Ġenerali tan-NATO, Jens Stoltenberg, qal li l-alleanza militari ma tridx ‘Gwerra Bierda oħra’ mar-Russja, minkejja t-tħassib tal-pajjiżi sieħba fin-NATO dwar l-iżviluppi militari ta’ Moska viċin fruntiera man-NATO.
Stoltenberg kien qed jitkellem lejn l-aħħar ta’ assemblea parlamentari tan-NATO li damet għal erbat ijiem, f’Bucharest, il-kapitali tar-Rumanija.
Madankollu, is-Segretarju Ġenerali, Stoltenberg, insista li r-Russja hi ġar tan-NATO u li m’hemm l-ebda ħsieb li dan il-pajjiż jispiċċa iżolat b’riżultat ta’ xi Gwerra Bierda ġdida’.
Hu, waqt id-diskors, qal li l-Alleanza żiedet il-patrols bl-ajruplani tal-gwerra fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed ‘bi tweġiba għall-azzjonijiet aggressivi tar-Russja fl-Ukrajna’.