“Tridu tpoġġu lilkom infuskom fis-sitwazzjoni ta’ ġuvni li għadu kif ra lil missieru jitgħaffeġ bil-vettura misjuqa mill-akkużat. Ħadd ma jista’ jlumu li dak il-ħin kien irrabjat u dak il-ħin ġietu forza barranija u li ta daqqa jew iktar ta’ ponn lil Gerald Galea.” Sostniet dan l-Avukat Giannella Busuttil lill-ġurati hekk kif il-Prosekuzzjoni kompliet bir-replika tagħha fil-ġuri li għaddej fil-konfront ta’ Gerald Galea.
Galea ta’ 67 sena minn Marsalforn, Għawdex, jinsab akkużat bil-qtil volontarju ta’ John Spiteri ta’ 54 sena. Id-delitt kien seħħ fil-Qbajjar Għawdex fid-19 ta’ Ġunju 2013 fit-3.15p.m. meta il-vittma, flimkien ma’ ibnu Matthew Spiteri, kien qed jiżbor siġar biex jagħmel spazju għal gabbana. F’mument minnhom tfaċċa l-akkużat bil-karozza tiegħu jilmenta dwar dan. L-argument eskala, u wara li allegatament dar numru ta’ drabi madwar il-parkeġġ, Galea allegatament saq fuq Spiteri.
Ir-raġel, iddaħħal l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex f’qagħda kritika u tilef ħajtu ftit siegħat wara. Minbarra l-qtil volontarju ta’ John Spiteri, Gerald Galea jinsab akkużat ukoll bl-attentat ta’ qtil ta’ Matthew Spiteri u li kkaġuna ħsarat kbar fuq vettura li ma kienitx tiegħu.
L-Avukat Busuttil iddedikat parti kbira mir-replika b’analiżi tax-xhieda mogħtija mix-xhud ewlieni f’dan il-każ, Matthew Spiteri li jiġi iben il-vittma. Hi fakkret li skont il-liġi, xhud wieħed, jekk emmnut, hu biżżejjed biex jipprova fatt.
Barraminhekk, sostniet li x-xhieda ta’ Spiteri kienet korroborata f’diversi stadji tagħha minn xhieda oħra u minn esperti mqabbda mill-Qorti.
Skont kif xehed Spiteri, kien Gerald Galea li mar fuqhom u kien qed isuq il-vettura Daihatsu Terios. Dan beda jkellimhom b’mod aggressiv u qal li ma kienx se jħallihom jarmaw hemm iżjed. Il-vittma u ibnu qalulu biex jitlaq u jekk irid imur jirrapporta għax kellhom il-permessi meħtieġa. Madanakollu, Galea baqa’ fuq il-post. Kien hawnhekk li l-vittma qal lil ibnu biex jieħu n-numru tal-pjanċi sabiex jagħmlu rapport lill-pulizija u minn hemmhekk, l-argument kiber.
Meta Matthew Spiteri mar quddiem il-vettura biex jieħu n-numru tal-pjanċi, hu sema’ l-għajjat u ra lil missieru jagħti daqqa waħda ta’ ponn lil Gerald Galea. Spiteri mar lejn missieru u ra d-demm nieżel minn xofftu maqsuma. Il-Prosekuzzjoni qalet li dan kien korroborata bi prova xjentifika fejn il-kampjun tad-demm li nstab fuq il-bieba tan-naħa tas-sewwieq, irriżulta li kien tal-vittma. Il-Prosekuzzjoni qed tikkontendi li l-ewwel kien Galea li qasam ix-xoffa ta’ Spiteri u kien wara li rritalja u ta daqqa ta’ ponn lill-akkużat.
“Fejn qlajna niftakru iżda fejn tajna ma jiftakar xejn”, qalet l-Avukat Busuttil fil-konfront tal-akkużat.
Matthew Spiteri qal li missieru telaq ‘l hemm u mar iserraħ mal-kaxxa tat-trakk tiegħu. Galea iżda baqa’ fuq il-post, jirrevvja l-karozza, irriversja. Saq aggressiv, dar darbtejn mal-parkeġġ jgħajjat “Iva Ġann! Issa naraw!”. Kien hemm persuni oħra li semgħu it-twerżiq tat-tyres u l-irrevvjar tal-magna li jikkorroboraw ix-xhieda ta’ Matthew Spiteri.
Eventwalment, kompliet il-Prosekuzzjoni, Galea immanuvra l-vettura biex għadda minn bejn it-trakk u ċ-ċint u saq għal fuq John Spiteri. Dan kien ikkorroborat mill-espert mekkaniku u mill-Perit. L-akkużat saq għal fuq Spiteri u għaffġu bil-vettura tiegħu – dan kollu kien korroborat mill-espert mekkaniku, mill-perit u minn xhud okulari.
Ir-raġel li kien qed isuq warajh kien Gerald Galea filwaqt li r-raġel li kien qed jaħrab kien John Spiteri. “Mhux qed nitkellmu fuq xi ħadd li kellu inċident, f’dan il-każ id-Difiża donnha qed tgħid li tort ta’ Spiteri li waqa’ b’karozza li qed tinstaq għal fuqu minn Galea.”
Il-Prosekuzzjoni kompliet li wara li saq fuq John Spiteri, Galea saq direttament għal fuq ibnu.
Ix-xhieda tax-xhud okulari Joseph Axiaq, kompliet l-Avukat Busuttil, turi diskrepanza fil-ħin li qed tgħid id-difiża minn meta il-vittma intlaqat u meta l-vettura ħabtet mal-ħajt. Dan għaliex ix-xhieda ta’ Axiaq tgħid li malli ttawwal mill-gallarija ra l-inċident iseħħ u sakemm niżel mill-appartament biex jagħti l-għajnuna, hu sema’ l-ħoss tal-vettura taħbat. “Dan jikkorrobora x-xhieda ta’ Matthew Spiteri li wara li għaffeġ lil missieru, Galea saq għal fuqu u mhux kif qed tipprova tissuġġerixxi id-difiża li l-vettura ħabtet eżatt wara li għaddiet minn fuq John Spiteri,” tenniet l-Avukat Busuttil.
“Tridu tpoġġu ruħkom f’saqajn ġuvni li għadu kif ra lil missieru jitgħaffeġ bil-vettura misjuqa mill-akkużat. Ħadd ma jista’ jlumu li dak il-ħin kien irrabjat u dak il-ħin ġietu forza barranija.” Qal li qabad mal-pilastru u ta mill-inqas daqqa waħda lil Gerald Galea. Id-daqqa jew daqqiet li qala’ Galea kienu d-daqqiet li tah Matthew Spiteri, sostniet il-Prosekuzzjoni.
L-Avukat Busuttil irreferiet ukoll għar-rapport tal-espert mediku, it-Tabib Mario Scerri li qal li b’daqqa vjolenti bħal dik wieħed jagħlaq għajnejh. “Imma f’liema ħin, ingħata d-daqqa fuq għajnejh? L-espert mediku ma daħalx jekk id-daqqa qalagħhiex qabel jew wara li għadda minn fuq il-vittma. Il-Prosekuzzjoni temmen li kien propju dak il-ħin, li Matthew Spiteri tah daqqiet fuq għajnu u bl-uġiegħ, Galea tilef il-kontroll tal-vettura.“
U dan jikkontradixxi mal-istqarrija li ta l-akkużat lill-pulizija fejn iddeskriva b’mod ċar fejn kien hu, fejn kien il-vittma u fejn kien iben il-vittma. “Li jfisser li dan kien qed jara qabel ma għadda minn fuq John Spiteri.”
Il-ġuri mistenni jkompli bil-kontroreplika tad-Difiża. Wara, l-Imħallef Antonio Mizzi jindirizza lill-ġurati qabel dawn jiddeliberaw sabiex jaslu għall-verdett ta’ ħtija jew le.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Giannella Busuttil u Kevin Valletta mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali filwaqt li l-Avukati Arthur Azzopardi u Jason Azzopardi qed jidhru għal Gerald Galea. L-Avukat Joe Giglio qed jidher parte civile għall-familja tal-vittma.
//= $special ?>