Budget 2018 Lokali

Sodisfatta li wara snin l-Unjin ingħatat raġun dwar il-leave – GWU

“Il-ħidma konsistenti u kontinwa tal-General Workers’ Union biex tissewwa inġustizzja li saret ma’ eluf ta’ ħaddiema, fl-aħħar tat il-frott tagħha.” Hekk sostniet l-GWU wara li fil-Baġit 2018 tħabbar li minn Jannar li ġej il-ħaddiema se jingħataw ġurnata leave addizzjonali għall-festa li tiġi fi tmiem il-ġimgħa.

Fl-ewwel reazzjoni tagħha l-unjin sostniet li filwaqt li hija sodisfatta li fl-aħħar, wara tnax-il sena, ingħatat raġun fl-argumenti tagħha il-GWU ħeġġet lill-Gvern ħalli fis-snin li ġejjin ikompli bil-proċess sabiex il-festi kollha li jaħbtu fi tmiem il-ġimgħa jiżdiedu ġranet mal-leave.

Il-GWU qieset dan il-baġit bħala wieħed li qed jaqsam il-ġid mal-ħaddiema u ċ-ċittadini, tant li ma tefa’ ebda piż ġdid f’taxxi fuq il-familji Maltin. “Baġit li qed jirrikonoxxi li l-ġustizzja soċjali trid timxi id f’id mat-tkabbir tal-ekonomija bil-għan li ħadd ma jibqa’ lura”.

L-Unjin sostniet li l-Gvern ta piż għall-proposti mressqa fil-ġimgħat li għaddew mill-General Workers’ Union, għaliex għaraf li dawn il-proposti huma maħsuba biex kulħadd jibbenefika minn titjib fil-livell ta’ għajxien tiegħu.

Il-GWU laqat l-aħbar li se jirregolarizza l-mod kif isiru l-kirjiet u jdaħħal iktar kontabilità u sigurtà f’dan il-qasam. Il-miżuri mħabbra, flimkien ma’ konsultazzjoni pubblika, il-GWU spjegat li dan qed jagħti indikazzjoni li l-Gvern se jħares l-interessi tal-ġenerazzjoni preżenti u tal-ġejjieni biex jiggarantilhom kundizzjonijiet ġusti għall-kirjiet tal-post fejn jgħixu. Dan fl-istess waqt li se jkompli jinċentiva lil min jixtri l-ewwel jew it-tieni dar tiegħu.

L-Unjin insistiet li l-Baġit inkluda wkoll proposta oħra li ressqet il-GWU biex jiżdiedu l-pensjonijiet kollha, kontributorji u mhux. Inkluż il-pensjoni massima.

Fost proposti oħra tal-GWU aċċettati mill-Gvern semmgħu “l-aġġornar tal-liġijiet kollha tax-xogħol, tnedija tal-istrateġija nazzjonali dwar l-integrazzjoni, investiment fl-infrastruttura u fl-industrija tal-manifattura, żieda u tisħiħ tal-in-work benefits, żieda fit-tapering tal-benefiċċji għal min jirritorna fid-dinja tax-xogħol, għajnuna lil min jaddotta, żieda fl-allowance tal-carers, introduzzjoni ta’ social loans għal min irid jixtri dar, tkomplija tal-programm ta’ għoti ta’ kumpens lil min sofra inġustizzja bħala ma huma l-eks-ħaddiema tax-xatt, tal-korpi u pulizija, investiment fil-konnettività bejn Malta u Għawdex, kif ukoll introduzzjoni ta’ strateġija nazzjonali dwar is-settur tal-blockchains u crypto-currency”.

Filwaqt li l-GWU qieset dan il-baġit bħala wieħed soċjalment ġust fil-jiem li ġejjin il-Kunsill Nazzjonali se jkun qed joħroġ ir-reazzjoni uffiċjali.