Lokali Sport

FILMAT: Keith Bartolo – Il-Malti li qasam bl-għawm il-fliegu ta’ bejn l-Ingilterra u Franza

Keith Bartolo għawwiem Malti li ġab bosta unuri lejn pajjiżna f’dan l-isports, prinċipal ta’ kulleġġ li hu responsabbli għal madwar 3000 student ma qata qalbu xejn li jgħum il-fliegu ta’ bejn l-Ingilterra u Franza dak magħruf bħala l-English Channel b’relay swim nhar is-27 ta’ Settembru.

“The Queen of all races, il-Muntanja Everest tal-għawm” hekk sejjaħ din l-isfida Keith Bartolo f’kummenti li ta’ lil dan l-istazzjon. (Fir-ritratt il-mappa tal-vjaġġ li Keith wettaq). 

Il-vjaġġ tal-għawwiema tista’ tgħid li beda fid-dlam, fit-03.25 ta’ filgħodu minn Dover u waslu Franza 15-il siegħa u 6 minuti wara. Ricky Andalcio u Thomas Noblett iż-żewġ għawwiema li għamlu dan ma’ Keith ilkoll huma veterani li flimkien għamlu din l-isfida suċċess. Magħhom ukoll fuq id-dgħajsa kien hemm omm Keith li bdiet tgħin u torganizza kollox b’passjoni biex il-ħolma ta’ binha ssir realtà.

Fil-kummenti tiegħu huwa qalilna li kienu kemxejn ixxurtjajti li għamlu din l-għawma għax it-temp f’dan l-istaġun ftit li xejn ippermetha u għen, u kien se jwettaq din l-għawma waħdu f’Lulju li għadda madanakollu t-temp ma kienx jippermetti. Infatti din kienet l-aħħar għawma ta’ din is-sena.

Huwa qalilna li nżerta li kien hu li beda din l-għawma u kif ukoll spiċċaha wkoll. Telaq minn art hu u kien hu li tela’ f’oħra f’din il-relay swim. Ma naqasx ukoll ir-ringrazzjament ta’ Keith lejn kulħadd li b’xi mod jew ieħor għenuh biex dan iseħħ.