Sport Sport Ieħor

Floriana Young Stars jirbħu t-Tazza Għaqda Ġurnalisti Sport tal-Hockey

Il-plejers ta' Floriana Young Stars jieħdu ritratt tal-okkażjoni

SLIEMA HOTSTICKS…………..2

FLORIANA YOUNG STARS….3

(wara l-ħin barrani)

L-istaġun tal-Hockey beda bil-finali tat-Tazza Għaqda Ġurnalisti Sport, b’Floriana Young Stars jegħlbu lil Sliema Hotsticks 3-2 wara l-ħin barrani. Il-logħba kienet missielta, biż-żewġ timijiet joħolqu okkażjonijiet li setgħu jdawru r-riżultat f’kull ħin.

Young Stars ħolqu l-pressjoni fuq id-difiża ta’ Hotsticks fl-ewwel fażi u wara kwarta logħob ingħataw penalty b’Edward Hughes ma jiżbaljax. Huma setgħu rduppjaw ftit minuti wara iżda l-gowlkiper ta’ Hotsticks Waylin Abdilla salva b’mod brillanti mill-viċin.

Minn din l-okkażjoni, Hotsticks ħadu l-inizjattiva u marru viċin li jġibu d-draw f’diversi okkażjonijiet fejn saħansitra laqtu l-lasta, iżda b’xi mod Young Stars irnexxielhom itemmu l-ewwel taqsima b’gowl vantaġġ.

Fit-tieni taqsima, iż-żewġ timijiet kellhom opportunitajiet minn penalty korners iżda t-tnejn ma skorjaw wara li l-gowlkipers salvaw tajjeb.

Iżda Hotsticks ġabu d-draw meta Jonathan Borg skorja mir-rebawnd wara li l-gowlkiper salva mingħajr ma żamm. L-ebda tim ma sab il-gowl tar-rebħa biex il-logħba kompliet fil-ħin barrani.

Young Stars marru fil-vantaġġ wara minuta u nofs mill-bidu tal-ħin barrani permezz ta’ Anton Saliba, u ħames minuti wara, Young Stars għamluhom 3-1 bit-tieni gowl tal-istess Saliba. Hotsticks reġgħu daħlu fil-logħba lejn tmiem l-ewwel taqsima, b’Julian Zahra jiskorja minn azzjoni ta’ penalty korner.

Hotsticks żiedu l-pressjoni fit-tieni taqsima, b’Young Stars ikollhom jiddefendu quddiem il-lasta. Huma rnexxielhom iżommu l-gowl vantaġġ biex b’hekk rebħu s-Super Cup.

Tags