Budget 2018 Lokali

Il-GUG jirreaġixxi għall-Budget 2018

Il-GUG diżappuntat li l-Gvern ma ndirizzax il-kirjiet għoljn għall-istudenti Għawdxin u li ma semma' xejn dwar il-Fast Ferry Service

Għad hemm kwistjonijiet li l-Gvern, fil-Budget li ppreżenta għas-sena d-dieħla, ma ndirizzhomx fosthom il-problema tal-kirjiet li mingħajr dubju taffettwa lill-istudenti Għawdxin li biex jistudjaw Malta jkollhom jikru fejn joqogħdu.

Sostna dan il-GUG, il-Grupp tal-Istudenti Universitarji Għawdxin, permezz ta’ stqarrija b’reazzjoni għall-budget ippreżentat il-bieraħ.

Fl-istqarrija jsemmu kif il-Ministru tal-Finanzi m’għamel l-ebda referenza għall-Fast Ferry Service li kienet proposta s-sena li għaddiet u li kieku tkun implimentata l-ħajja tal-istudenti Għawdxin tkun faċilitata.

Dwar il-kirjiet għoljin tal-propjeta’, il-GUG qal li dawn issemmew biss b’referenza għall-akkomodazzjoni soċjali u mhux fil-kuntest ta’ Għawdxin b’mod partikolari studenti li jistudjaw Malta u jkunu jridu jsibu post fejn joqogħdu.

Il-GUG nnota wkoll li hu tajjeb li se jitpoġġa t-tieni fibre optic cable, matul is-sena d-dieħla u anke wrew is-sodisfazzjon tagħhom li se jibda studju ġeoloġiku ta’ qiegħ il-baħar bejn Malta u Għawdex għall-possibilita’ ta’ mina li tgħaqqad iż-żewġ gżejjer.