Parlament

Il-Kumitat tal-Ambjent ma jridx jiddiskuti l-impjant il-ġdid tal-iskart

Il-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp ma laqax it-talba tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent Karol Aquilina biex il-kumitat jiddiskuti d-deċiżjoni tal-Gvern li jibni impjant ġdid li fih ikun ipproċessat l-iskart u li minnu se tkun iġġenerata l-enerġija.

Matul il-laqgħa Karol Aquilina ppropona li l-Kumitat jisma’ lill-Ministru tal-Ambjent Jose Herrera u lill-Kap Eżekuttiv tal-Wasterserv u li jiġu ppreżentati r-rapporti kollha b’rabta ma’ dan l-impjant.

Id-Deputat tal-Oppożizzjoni Ryan Callus fakkar lill-membri tal-Kamra li huwa fl-interess pubbliku li rapporti ta’ din in-natura jkunu ppubblikati bil-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent Karol Aquilina jfakkar li kienet saret talba parlamentari biex dawn ir-rapporti jkunu ppubblikati iżda din it-talba ma ntlaqgħetx mill-Gvern li għażel li jżomm dawn ir-rapporti mistura.

Il-membri tal-Gvern fuq dan il-kumitat qalu li huwa prematur li wieħed jiddiskuti dan is-suġġett meta hemm kumitat tekniku li għandu sa Diċembru biex jagħti r-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-Gvern.

Il-Membru Parlamentari Ryan Callus saħaq li mhuwiex prematur li l-kumitat jiddiskuti din il-materja anke minħabba l-fatt li diġà saru numru ta’ rapporti li indikaw numru ta’ soluzzjonijiet. Huwa qal li l-pubbliku għandu jiddiskuti rapporti li ma ġewx ippubblikati.

Il-Membru Parlamentari tal-PD Godfrey Farrugia fakkar li din id-diskussjoni taqa’ eżattament fir-remit tal-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent. Huwa saħaq li, għalkemm hemm kumitat tekniku li qed jiddiskuti dan l-impjant, dan ma jeskludix li anke l-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent jiddiskuti din il-kwistjoni. Huwa saħaq li dan ma jfissirx li l-Kumitat ikun qed jagħmel xi pressjoni fuq xi ħadd u tenna li l-għan tal-Oppożizzjoni huwa li tħares l-art Maltija.

Id-Deputat Karol Aquilina qal li huwa evidenti li l-Gvern diġà ħa din deċiżjoni dwar dan l-impjant u dan kien evidenti anke fl-istess talba li saret lill-Oppożizzjoni biex taħtar membru fuq il-kumitat tekniku li qed jiddiskuti dan l-impjant. Huwa sostna li għandha ssir diskussjoni pubblika immedjata fi ħdan il-kumitat parlamentari u li dan ma għandux għalfejn jistenna sa Diċembru biex jistenna lill-kumitat tekniku mwaqqaf mill-gvern biex iressaq ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

Minkejja l-argumenti tal-Membri tal-Oppożizzjoni fi ħdan il-Kumitat, iċ-Chairman tal-Kumitat Parlametari d-Deputat Alex Muscat ippropona li l-Kumitat ma jismax lill-Ministru tal-Ambjent u liċ-Chairman tal-Wasteserv u minflok iħalli lill-kumitat tekniku jressaq ir-rakkomadazzjonijiet tiegħu lill-Gvern u wara dawn ir-rakkomandazzjonijiet jiġu diskussi fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp.