Budget 2018 Lokali

“Il-prezzijiet tal-fuel għadhom għal darba oħra fost l-għola fl-Ewropa” – FSMEPN

Filwaqt li jilqa’ l-fatt li żied għal €20,000 l-ammont mhux taxxabli bil-VAT, il-Forum għall-Intrapriżi Żgħar u Medji fi ħdan il-Partit Nazzjonalista jinnota li t-taxxa fuq prodotti essenzjali li ddaħlet is-sena li għaddiet baqgħet ma tneħħietx. Il-prezzijiet tal-fuel għadhom għal darba oħra fost l-għola fl-Ewropa u dan ipoġġi lill-intrapriżi Maltin fi żvantaġġ meta mqabbla ma’ intrapriżi simili fl-Ewropa.

Għalkemm kulħadd japprezza l-importanza tal-industrija tat-turiżmu għal pajjiżna, il-futur tal-linja nazzjonali AirMalta, li hija responsabbli għal 40% tat-turisti li jaslu Malta, għadu mċajpar ferm. Dan qed iwassal għal inċertezza fis-settur mhux biss f’dak li għandu x’jaqsam ma’ numri ta’ turisti li jiġu f’Malta, iżda ukoll mas-sostenibbiltà tal-kumpanija u l-futur tal-impjegati tagħha.

Il-problema tat-traffiku qegħda kulma jmur issir aktar serja bil-Forum jiddeskrivi din il-problema bħala li qed tkun ta’ detriment għax-xogħol tal-kumpaniji tad-distribuzzjoni. F’dan il-baġit ma ssemma xejn dwar x’se jiġri b’mod immedjat biex tittaffa din il-problema mit-toroq tagħna.

Fatt ieħor ineżistenti fil-baġit ta’ din is-sena hu l-problema ta’ nuqqas ta’ ħaddiema f’ċertu xogħolijiet. Ma ssemma xejn dwar inċentivi li jistgħu jgħinu biex aktar ħaddiema jitħajru japplikaw għal dawn ix-xogħolijiet. Dan se jwassal biex ċertu kumpaniji se jibqgħu b’nuqqas ta’ ħaddiema bir-riżultat li jkun hemm tnaqqis fil-produzzjoni.

Il-Forum jinnota ukoll li minkejja l-għajta tal-Gvern li jieħu ħsieb lil kulħadd, ma ssemma xejn dwar il-futur tal-bdiewa, r-raħħala u s-sajjieda. Dan huwa inkwetanti peress li kulħadd jaf il-problemi li qed iħabbtu magħhom dawn il-ħaddiema minħabba l-kompetizzjoni dejjem tiżdied minn prodotti barranin.