Lokali Qorti

“Il-Prosekuzzjoni tridkom temmnu li mar bil-karozza fid-dawl tax-xemx u f’parkeġġ pubbliku biex joqtol tnejn min-nies minħabba siġra” – id-Difiża

·         “Ix-xhieda ta’ Matthew Spiteri kienet messa in scena li kienet imgiddba mill-forensika”

·         Id-Difiża tagħlaq il-kontroreplika

“Il-Prosekuzzjoni tridkom temmnu li Gerald Galea mar bil-karozza tiegħu, fid-dawl tax-xemx, f’parkeġġ pubbliku, biex joqtol tnejn min-nies fuq siġra”. Tenna dan l-Avukat Jason Azzopardi fil-kontro-replika tad-Difiża fil-ġuri ta’ Gerald Galea li ilu għaddej għal iktar minn tliet ġimgħat u li qed joqrob lejn il-fażi konklussiva tiegħu.

Quddiem l-Imħallef Antonio Mizzi, Gerald Galea ta’ 67 sena minn Marsalforn, Għawdex, jinsab akkużat bil-qtil volontarju ta’ John Spiteri ta’ 54 sena. Id-delitt kien seħħ fil-Qbajjar Għawdex fid-19 ta’ Ġunju 2013 fit-3.15p.m. meta il-vittma, flimkien ma’ ibnu Matthew Spiteri, kien qed jiżbor siġar biex jagħmel spazju għal gabbana. F’mument minnhom tfaċċa l-akkużat bil-karozza tiegħu jilmenta dwar dan. L-argument eskala, u wara li allegatament dar numru ta’ drabi madwar il-parkeġġ, Galea allegatament saq fuq Spiteri.

Ir-raġel, iddaħħal l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex f’qagħda kritika u tilef ħajtu ftit siegħat wara.  Minbarra l-qtil volontarju ta’ John Spiteri, Gerald Galea jinsab akkużat ukoll bl-attentat ta’ qtil ta’ Matthew Spiteri u li kkaġuna ħsarat kbar fuq vettura li ma kienitx tiegħu.

Wara li l-Prosekuzzjoni iffokat fuq it-tisħiħ tax-xhieda ta’ Matthew Spiteri, iben il-vittma, id-Difiża iddedikat il-parti l-kbira tal-kontro replika turi l-inkonsistenzi f’din l-istess xhieda.

“Fuq min noqogħdu? Fuq min għandu interess jgħawweġ il-verita?” staqsa l-Avukat Azzopardi.

Jason Azzopardi qal li l-Prosekuzzjoni innifisha daħħlet iktar dubji kif imfissra fil-liġi dwar dak li ġara. Hu fakkar il-prinċipji legali fosthom il-preżunzjoni tal-innoċenza u ħtija tinstab biss sal-grad ta’ ċertezza morali lil hinn minn kull dubju dettat mir-raġuni.

Waħda mill-affarijiet essenzjali hi l-ħsieb speċifiku li joqtol u li jpoġġi l-ħajja ta’ ħaddieħor f’periklu ċar. “Qatt ma seta’ kellu dan il-ħsieb speċifiku,” sostna l-Avukat Azzopardi.

Il-volonta’ waħedha mhux biżżejjed. Trid tkun supplimentata bl-antiċipazzjoni u l-intenzjoni li tikser il-liġi u toqtol.

Fakkar fl-istqarrija tal-akkużat li kien qed jipprova jitlaq u kien beżgħan għal ħajtu wara li ġie aggredit minn Spiteri. “Dan juri bi probabilita’ kbira li Gerald Galea ma kellux l-intenzjoni speċifika li joqtol, kif mitlub mill-liġi.”

L-Avukat Azzopardi qal lill-ġurati li għandhom jixtarru x’ħalliet barra l-Prosekuzzjoni. Fost oħrajn ix-xhieda ta’ Stella Woodgate li ddeskriviet l-istat konfuż ta’ Galea, li kien miksi mit-trab. “Għaliex il-Prosekuzzjoni qatt ma semmiet għaliex Galea ħareġ mill-karrozza? Għaliex dik tinnewtralizza l-element tal-intenzjoni kriminali,” sostna Jason Azzopardi.

Il-Prosekuzzjoni ma semmiet xejn dwar ir-rapport tal-espert mekkaniku tal-Qorti Joe Zammit fejn semma li l-għoli tat-tyre mifqugħ u l-mudguard mgħattan tal-vettura tal-akkużat huma kompatibbli mal-bumper, deskritt bħala “robust” mill-espert, tat-trakk Isuzu li kien tal-vittma.

“Fl-ebda ħin il-Prosekuzzjoni ma ssemmi li l-vettura Terios ma kellha l-ebda impatt frontali, li jmur kontra dak li ddeskriva Matthew Spiteri fix-xhieda tiegħu.”

“Għandkom espert ilu nominat mill-Qorti għal dawn l-aħħar 40 sena. Jista’ jkollok Prosekuzzjoni li tipprova tiskarta din ix-xhieda?”, staqsa l-Avukat Azzopardi. “Veru li l-ġurati mhux marbuta joqogħdu fuq ix-xhieda ta’ espert imma jridu jkunu raġunijiet gravissimi biex ma jagħtux każ ta’ din ix-xhieda”.

L-Avukat Azzopardi irrefera wkoll għax-xhieda ta’ John Mary Grech qal li ma setax jagħraf lil Gerald Galea sforz id-daqqiet li qala’ f’wiċċu. Dan ix-xhud kien ikkonferma li wiċċ l-akkużat kien diġà sfigurat qabel Matthew Spiteri tah daqqa ta’ ponn.

Id-Difiża kompliet li xejn ma żamm lill-Prosekuzzjoni milli jagħmlu kontroeżami dettaljat tal-akkużat. “Setgħu poġġewh taħt l-iktar skrutinju dettaljat possibbli. Minflok, kien kontroeżami xott u qasir u dan għax l-akkużat kien sod u kredibbli”, sostna Jason Azzopardi.

Id-Difiża tattakka l-kredibilita’ tax-xhieda ta’ Matthew Spiteri

Fl-indirizz tagħha lill-ġurati, id-Difiża attakkat il-kredibilita’ tax-xhieda ta’ Matthew Spiteri. L-Avukat Azzopardi qal li f’erba’ okkażjonijiet differenti, fl-ebda ħin Matthew Spiteri ma qal li missieru ħarab. Fakkar ukoll kif il-vittma John Spiteri, bħal ibnu,  kellu idu xellugija minfuħa bi trawma li l-espert mediku Mario Scerri qal li hi kompatibbli ma’ daqqa jew daqqiet ta’ ponn.

L-Avukat Azzopardi talab lill-Marixxal turi x-shorts li kien liebes l-akkużat dakinhar li seħħ il-każ lill-ġurati. Hu qal li mill-eżami tal- Espert forensiku Marisa Cassar kienet elevat id-demm ta’ John Spiteri li waqa’ fuq ix-shorts fuq is-sieq ta’ ġewwa tas-sewwieq. “Din hi l-prova li John Spiteri kien ġewwa l-vettura, tagħti l-kredibilita’ lill-verżjoni ta’ Gerald Galea dwar is-serjeta’ tal-aggressjoni,” qal Jason Azzopardi.

“Ir-re-enactment ta’ Matthew Spiteri quddiemna kienet messa in scena kienet imgiddeb mill-forensika. Suppost ġera’ daqs il-veloċita’ tal-vettura, li kienet irrevjata, u fl-istess waqt kien qed iżomm mal-pilastru u jagħti daqqiet ta’ ponn b’saħħa li kkaġuna dawk il-ġrieħi fuq Galea.”

“Jekk waqa’ minn karozza għaddejja b’veloċita’, kif ma kellu ebda ġrieħi kompatibbli ma’ din il-waqgħa, kif spjegat mit-Tabib Mario Scerri?” staqsa l-Avukat Jason Azzopardi.

L-istess Matthew Spiteri qal li ta żewġ daqqiet lil Galea u l-espert mediku qal li Galea qala mill-inqas erba’ daqqiet “li kienu stabbiliti b’ċertezza” u ma jeskludix li seta’ qala’ iktar. “Dan ifisser li d-daqqiet l-oħrajn li qala’ l-akkużat, tahom John Spiteri,” sostniet id-Difiża.

Għaldaqstant, dan iqajjem mistoqsijiet dwar il-kredibilita’ tax-xhud Matthew Spiteri.

L-Avukat Jason Azzopardi wieġeb b’mod emfatiku għal dak li hu ddeskriva bħala aġir “tal-mistħija tal-Prosekuzzjoni qed tipprova tiskuża l-vjolenza.”

“Sa erba’ daqqiet aċċettabbli, qaltilna l-Prosekuzzjoni. Dan għamel 30 ġurnata sabiex fieq mid-daqqiet li qala’” “Lanqas darba m’għandek dritt terfa’ idejk fuq ħaddieħor!” tenna Azzopardi.

Hu rrefera għal iktar inkonsistenzi fix-xhieda ta’ Matthew Spiteri. Fosthom li semma, u l-prosekuzzjoni għamlet enfasi fuqha, it-twerżiq ta’ tyres. “Jekk l-art kienet żrar, it-tyres ma jwerżqux.” Tenna l-Avukat Azzopardi. “Dan juri min qed jipprova jgħawweġ il-fatti u jqarreb il-boċċa lejn il-likk.”

Jason Azzopardi qal li dawn id-dettalji jindikaw kif il-ġurati ma jistgħux iserrħu fuq ix-xhieda ta’ Matthew Spiteri.

“Il-Prosekuzzjoni tridkom temmnu li mar bil-karozza tiegħu, fid-dawl tax-xemx, f’parkeġġ pubbliku, biex joqtol tnejn min-nies fuq siġra”

Il-ġuri issa qed joqrob lejn il-fażi konklussivi tiegħu. Illum l-Imħallef Antonio Mizzi mistenni jindirizza lill-ġurati biex eventwalment jiddeliberaw sabiex jaslu għal verdett ta’ ħtija jew le.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Giannella Busuttil u Kevin Valletta mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukati Arthur Azzopardi u Jason Azzopardi qed jidhru għal Gerald Galea. L-Avukat Joseph Giglio qed jidher parte civile għall-familja Spiteri.