Lokali Qorti

Raġel Tork akkużat bl-istupru ta’ mara Żvediża

L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u qed jinsisti li l-atti sesswali kienu konsenswali u ma kien hemm ebda vjolenza.

Murat Vurmaz, ta’ 41 sena imwieled it-Turkija, tressaq il-Qorti akkużat bl-istupru ta’ mara Żvediża ta’ 26 sena.

Quddiem il-Maġistrat Joseph Mifsud, il-Prosekuzzjoni spjegat kif il-Pulizija irċeviet rapport mingħand il-mara li qalet li kienet stuprata mill-akkużat wara lejla f’Paceville fejn kienet taħt l-effett tax-xorb.

L-Ispetturi Paula Ciantar u Matthew Spagnol spjegaw li ż-żewġ partijiet iltaqgħu fi club f’Paceville fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd. Il-clubs bdew jagħlqu għall-ħabta tal-4a.m. u staqsietu jwassalha lura d-dar f’San Ġiljan. Hi qalet lill-pulizija li ħassitha sigura tmur miegħu għaliex kien qallha li hu omosesswali. Iżda minflok wassalha d-dar, il-vittma ittieħdet fid-dar ta’ Vurmaz fejn qed takkużah li stupraha waqt li kienet xurbana.

Min-naħa tiegħu, l-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u qed jinsisti li l-atti sesswali kienu konsenswali u ma kien hemm ebda vjolenza.

Id-Difiża tenniet li l-mara ma kellha “ebda marki fuqha” minkejja li fl-istqarrija li tat lill-pulizija, hi qed tallega li kienet mhedda.

Il-Maġistrat Joseph Mifsud ċaħad it-talba għal liberta’ proviżorja u ordna li l-akkużat jinżamm taħt arrest.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Paula Ciantar u Matthew Spagnol filwaqt li l-Avukat Marion Camilleri dehret għall-akkużat. L-Avukat Alfred Camilleri qed jidher parte civile għall-vittma.