Lokali Qorti

Titnaqqas il-piena minħabba irregolarita’ fil-proċedura.

Il-Qorti tal-Appell Kriminali naqqset il-piena ta’ raġel li kien instab ħati ta’ pussess ta’ droga wara li nstab li kien hemm irregolarita fil-proċedura.

F’Ottubru tal-2009, Kurt Buttigieg ta’ 36 sena, kien akkużat b’pussess sempliċi tad-droga kokaina.

Waqt l-ewwel seduta quddiem il-Qorti tal-Maġistrati f’Jannar 2012, l-akkużat irreġistra ammissjoni u l-każ kien differit għas-sentenza. Iżda f’Mejju tal-2012, is-sentenza baqgħet ma ngħatatx għaliex il-fedina penali tar-raġel kienet aġġornata u kienet turi li r-reat kien twettaq waqt iż-żmien operattiv ta’ sentenza sospiża.

Eventwalment il-Qorti tal-Maġistrat sabet lil Buttigieg ħati, ordnat li jħallas multa ta’ €500 u sentenza ta’ sena ħabs sospiża saret sentenza effettiva.

Il-Qorti tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Antonio Mizzi, irrimarkat li l-ewwel qorti injorat  is-sottomissjonijiet taż-żewġ partijiet sabiex il-Qorti testendi s-sentenza sospiża  u minflok għażlet li ddawwar is-sentenza għal waħda effettiva.

“L-akkużat kien mixli jwieġeb għall-akkuża ta’ pussess sempliċi ta’ kokaina u mhux għal kull żball li kkommetta matul ħajtu,” qalet il-Qorti.

Għaldaqstant il-Qorti iddikjarat li l-piena hi eċċessiva fil-konfront tar-reat li dwaru Buttigieg kien mixli. Filwaqt li kkonfermat il-ħtija tal-appellant u l-multa ta’ €500, il-Qorti tal-Appell Kriminali ordnat li s-sentenza sospiża ma ssirx effettiva.

Karl Buttigieg kien assistit mill-Avukat David Gatt