Lokali

Edwin Vassallo jippreżenta n-nomina għall-kariga ta’ Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament.

Id-deputat tal-Partit Nazzjonalista Edwin Vassallo ppreżenta n-nomina tiegħu għall-kariga ta’ Viċi Kap responsabbli mill-Affarijiet tal-Parlament.

Hekk kif ippreżenta n-nomina lis-Segretarju tal-Partit Nazzjonalista Rosette Thake, Edwin Vassallo wiegħed li hu jrid ikun għodda tajba u nadifa f’idejn il-Partit Nazzjonalista.

Sostna li t-tama tiegħu hi li l-elezzjonijiet biex jimtlew il-karigi interni tal-Partit Nazzjonalista jkunu kampanji li jgħaqqdu dejjem iżjed lill-partit. Qal anke li għandu t-tama li mmedjatament l-uffiċjali kollha tal-partit jibdew bil-ħidma, inkluż ħidma ta’ għaqda u tisħiħ tal-partit. Din hi l-ewwel nomina li daħlet għal din il-kariga, bl-elezzjoni biex timtela’ l-kariga vakati minn Mario de Marco.

Ftit wara li tefa’ n-nomina tiegħu Edwin Vassallo niedha l-kampanja elettorali tieghu bit-tema Flimkien ‘il quddiem.

Hu qal li l-kandidatura tiegħu hi proġett politiku li qed jersaq għalih bi twemmin u bil-valuri li jħaddan il-Partit Nazzjonalista. Proġett politiku li jgħin biex il-politika nibdew nagħmluha b’mod ġdid, kif jisħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, saħaq Vassallo.
Qal li jemmen f’tim magħqud u rebbieħ u għalhekk irid jaħdem biex ikompli jgħaqqad il-grupp parlamentari tal-Oppożizzjoni.

Bħala Kandidat għall-elezzjoni ta’ Vici Kap tal-Partit għall-ħidma Parlamentari, Edwin Vassallo qal li se jibqa’ jiddefendi d-dritt ta’ dak li jemmen fih. Qal li jemmen fil-liberta’ imma mhux fil-libertinaġġ.

“Irridu ngħożżu d-differenza tal-ħsieb, miegħi taf fejn qiegħed” sostna Edwin Vassallo li ma Net News spjega x’wasslu biex jitfa n-nomina tiegħu għal din il-kariga.

Spjega kif irid jaħdem biex il-PN jissaħħaħ fuq livell nazzjonali. Jaħdem biex ħadd ma jħossu eskluż mill-Partit. Hu qal li jħoss li għandu jippromwovi d-drittijeit u d-dinjita’ tal-bniedem, isemma’ leħnu, leħen il-Partit imma lest ibaxxi rasu għal dak li temmen fih il-maġġornaza.

Spjega kif jekk il-Kunsill Ġenerali u t-tesserati tal-Partit jagħtuh il-fiduċja hu jkunViċi Kap tal-PN għall-ħdima Parlamentari iżda jkolu responsabilita’ kbira li hi dik li dak li jiġri fil-Parlament ikun spjegat lill-poplu għaliex postu fl-aħħar mill-aħħar bħala politiku hu man-nies – u qal li minn hemm il-PN irid jifforma l-politika tiegħu.

Edwin Vassallo saħaq li hu jemm li l-PN hu kapaċi jkun gvern alternattiv li joffri viżjoni lill-poplu biex ikun jaf bħala pajjiż il fejn sejrin. “Mhux kif rajna din il-ġimgħa fid-diskors tal-Budget li qed jgħidilna għall-futur meta hu budget li ma jaħseb xejn għall-futur.

L-elezzjoni għall-ħatra tal-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Partit u l-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Parlament issir fit-18 ta’ Novembru.