Hekk kif l-Arġentina kienet f’riskju kbir li ma tikkwalifikax għat-Tazza tad-Dinja kellu jkun is-solitu Lionel Messi li salva lit-tim u b’hat-trick li skurja fl-aħħar logħba mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni kontra l-Ekwador, għen lit-tim jirbaħ 3-1 u jgħaddi għat-turnament li se jsir sena oħra fir-Russja.
Qabel il-logħba l-Arġentina kienu jinsabu fis-sitt post fil-klassifika u dan kien se jfisser li huma kienu f’riskju li għall-ewwel darba sa mill-1970 ma jgħaddux għat-Tazza tad-Dinja.
Kollox kompla ġej ħażin għall-Arġentina meta wara biss 38 sekonda l-Ekwador, li kienu qed jilagħbu f’darhom marru fil-vantaġġ b’gowl ta’ IBARRA.
Dawn ftit damu jgawdu dan il-vantaġġ hekk kif fit-12-il minuta MESSI ġab id-draw wara li rċieva mingħand Di Maria. Disa’ minuti wara l-attakkant ta’ Barcelona sab ix-xibka b’xutt b’saħħtu biex għall-ewwel darba l-Arġentina marret fil-vantaġġ.
L-Arġentina, li bdew bl-attakkanti Dybala u Icardi fuq il-bank, issiġillaw ir-rebħa mas-siegħa logħob meta għal darba oħra MESSI skurja gowl mill-isbaħ billi evita diversi difensuri qabel qabbeż il-ballun minn fuq il-gowlkiper Banguera.
Ta’ min jinnota li Messi sar anke l-ewwel plejer fl-istorja li skurja 20 gowl fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni taz-zona CONMEBOL. F’dik li hi zona Ewropea kien l-attakkant Pollakk Robert Lewandowsi li waqqaf rekord b’total ta’ 16-il gowl f’din il-fażi.
Iċ-Ċile eliminati
Kontra kull mistenni, ċ-champions tal-Amerika t’Isfel, iċ-Ċili mhux se jkunu qed jieħdu sehem fit-Tazza tad-Dinja. Dan wara li huma tilfu 3-0 kontra l-Brażil, anke jekk fl-ewwel taqsima kienu fil-kontroll assolut. Madankollu żball tal-gowlkiper Claudio Bravo sarraf fl-ewwel gowl għal Brażil li kien skurjat minn PAULINHO qabel ma JESUS skurja darbtejn. Dan hu diżappunt kbir għaċ-Ċili li fl-2015 u fl-2016 rebħu l-Copa America.
Wara l-partita l-kowċ nazzjonali taċ-Ċili Juan Antonio Pizzi ħabbar li kien qed jirriżenja mill-kariga. Pizzi kien ilu jmexxi lit-tim sa minn Jannar tal-2016 u ftit xhur wara kien għen lit-tim jirbaħ il-Copa America għat-tieni darba konsekuttiva meta dakinhar fil-finali dawn kienu rebħu bl-għoti tal-penalties kontra l-Arġentina.
//= $special ?>