F’laqgħa li saret ilbieraħ filgħaxija, il-Membri Parlamentari minn naħa tal-Gvern ivvutaw kontra t-talba li għamlet l-Oppożizzjoni biex il-Kumitat dwar l-Ambjent jiddiskuti d-deċiżjoni tal-Gvern li jibni impjant ġdid li fih ikun ipproċessat l-iskart u li minnu se tkun iġġenerata l-enerġija.
Waqt din il-laqgħa il-Membri Parlamentari minn naħa tal-Gvern (Alex Muscat, Roderick Galdes u Clint Camilleri) għamlu oppożizzjoni sħiħa għat-talba tal-Oppożizzjoni u baqgħu jistaħbew wara l-kumitat tekniku li l-Gvern waqqaf ftit tal-ġimgħat ilu.
Bħala kompromess, għax lesta li tgħin, l-Oppożizzjoni b’rieda tajba, pproponiet li l-Kumitat dwar l-Ambjent għandu f’dan l-istadju jibda billi jisma’ lill-Ministru Jose Herrera u lill-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ kif ukoll jiġu ppreżentati l-istudji kollha li saru dwar dan is-settur. Dwar din il-proposta l-Membri Parlamentari minn naħa tal-Gvern għall-ewwel qalu li r-rapporti huma diġà kollha pubbliċi iżda meta ffaċċjati bil-fatt li l-Gvern kien qed jirrifjuta li jippubblikahom huma bdew jagħmlu oppożizzjoni sħiħa għal din it-talba sempliċi.
Kien għalhekk li l-Oppożizzjoni talbet li jittieħed vot u li matulu l-Membri minn naħa tal-Gvern ivvutaw kontra li ssir diskussjoni pubblika u trasparenti fil-Kumitat dwar l-Ambjent kif l-Oppożizzjoni talbet li jsir.
Il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għall-Ambjent, l-Iżvilupp Sostenibbli u t-Tibdil fil-Klima Karol Aquilina, qal li l-Oppożizzjoni tqis l-attitudni tal-Gvern bħala waħda negattiva ntiża biss biex iżżomm moħbija l-pjanijiet tal-Gvern f’dan is-settur tant kruċjali għal pajjiżna. Għalhekk l-Oppożizzjoni tinsisti li l-Gvern biex b’mod immedjat jagħmel pubbliċi l-istudji kollha li saru dwar dan is-settur bil-għan li tkun tista’ ssir id-diskussjoni u l-iskrutinju pubbliku li l-Gvern ma jridx li jsiru fl-ogħla istituzzjoni ta’ pajjiżna, il-Parlament, kif ipproponiet li jsir l-Oppożizzjoni.
L-Oppożizzjoni lesta tgħin Gvern bla pjan, iżda l-Gvern irid jieqaf iwebbes rasu u jibda jaġixxi bis-serjetà fl-interess nazzjonali.
//= $special ?>