Lokali

Jitnieda l-ħames kunċert annwali tal-Fondazzjoni BOV Joseph Calleja

Il-ħames edizzjoni tal-Kunċert għall-Ġbir ta’ Fondi tal-Fondazzjoni BOV Joseph Calleja se ssir nhar il-Ġimgħa, 27 ta’ Ottubru 2017 fil-Kamra tat-Tron fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta.

Fil-Kunċert annwali għall-ġbir ta’ fondi, Joseph Calleja se jagħti l-wirja tiegħu flimkien ma’ numru mit-28 skular li ġew appoġġjati sa issa mill-Fondazzjoni. Il-flus kollha li jinġabru mill-Kunċert se jmorru għall-Fondazzjoni BOV Joseph Calleja.

It-Tenur Malti spjega kif matul is-sena li għaddiet, il-Fondazzjoni sponsorjat aktar skulari, bin-numru jiżdied għal 28. Barra minn hekk, minbarra l-iskulari tal-vuċi (soprani, mezzo soprani, baritoni u tenuri), l-iskulari jinkludu żeffiena, atturi, strumentalisti u kompożituri. “Kull sena nkun qed inħares ’il quddiem għal dan il-Kunċert,” spjega Joseph Calleja. “Ninsab ħerqan ħafna biex inkanta flimkien ma’ dawn it-talenti eċċezzjonali matul dan l-avveniment, li huwa wkoll mod żgħir kif nirringrazzjaw lill-Patruni tagħna, li għandhom l-istess ħolma tagħna u li dejjem jappoġġjaw lilna u lill-iskulari tagħna,” kompla Joseph Calleja.

Kif spjega s-Sur Roderick Chalmers, iċ-Chairman tal-Bord ta’ Fiduċjarji, il-Fondazzjoni għandha żewġ għanijiet prinċipali, Gifted Youth u Vulnerable Child’. Il-fergħa tal-Vulnerable Child’ taħdem permezz tas-sħubija tal-Fondazzjoni ma’ numru ta’ organizzazzjonijiet bil-għan li jiżviluppaw programmi speċifiċi li għandhom l-għan li jgħinu fl-iżvilupp ta’ tfal anqas privileġġjati. Sadanittant, il-fergħa tal-Gifted Youth tieħu ħsieb l-artisti żgħażagħ b’talent minn madwar Malta u Għawdex, li jkunu qed ikomplu bl-istudji tagħhom fid-dinja tal-arti tal-ispettaklu, imma li jkunu jeħtieġu l-appoġġ u l-inkoraġġiment biex ikomplu bil-ħolma tagħhom u jirrealizzaw l-aspirazzjonijiet tagħhom.”

“Minbarra l-kontribuzzjonijiet annwali tal-imsieħba fundaturi – il-Bank of Valletta u Joseph Calleja – il-Fondazzjoni tiddependi fuq il-ġenerożita u l-altruwiżmu ta’ numru ta’ Patruni u benefatturi biex tkun tista’ twettaq il-missjoni tagħha. Dan il-Kunċert huwa l-avveniment ewlieni tagħna għall-ġbir ta’ fondi, u qed nantiċipaw li din is-sena wkoll il-biljetti għal dan l-avveniment jinbiegħu kollha,” ikkonkluda s-Sur Chalmers.

Il-postijiet għall-Kunċert huma disponibbli meta ssir donazzjoni ta’ €100 għal kull sit. Il-biljetti jistgħu jiġu rriservati permezz tal-posta elettronika fuq info@bovjosephcallejafoundation.com. Il-benefatturi li jattendu l-Kunċert se jkollhom ukoll l-opportunità li jiltaqgħu ma’ Joseph Calleja u mal-iskulari mistiedna waqt riċeviment ospitat fil-Każin Malti wara l-Kunċert.

Aktar informazzjoni dwar il-Kunċert u dwar il-Fondazzjoni BOV Joseph Calleja tinsab fuq: http://www.bovjosephcallejafoundation.com