Lokali

“Nhar it-Tnejn se nikkritikaw… imma se nuru wkoll li l-Oppożizzjoni lesta tgħin”

Biex niffurmaw viżjoni għall-pajjiż irridu naraw minn fejn bdiet is-soċjetà, fejn wasalna u fejn irridu naslu.

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni Adrian Delia waqt li kien intervistat fil-programm Bejn Tnejn fuq Net Television.

Mistoqsi mill-preżentatriċi, Louise Tedesco, dwar  id-diskors li se jagħmel it-Tnejn li ġej fil-Parlament dwar il-Baġit li ppreżenta l-Gvern, il-Kap tal-Oppożizzjoni spjega x’għandu jistenna l-poplu. “Għnadu jistenna li l-mod ġdid kif nagħmlu l-politika m’għandux ikun biss li nikkritikaw dak li jagħmel il-Gvern, mhux biss biex lill-Gvern niġbdulu l-attenzjoni fejn żbalja, imma għandha tkun Oppożizzjoni, u allura għandu jkun diskors li juri kif kapaċi ntejbu l-ħajja tan-nies anke mill-bankijiet tal-Oppożizzjoni iżda mhux biss. Se jkun diskors li juri li l-Partit Nazzjonalista jrid viżjoni li tagħmlu Gvern prospettiv għal dan il-pajjiż. Se jkun diskors fejn se nikkritikaw fejn hemm nuqqasijiet, fejn m’hemmx pjan, fejn m’hemmx direzzjoni, imma se nuru li l-Oppożizzjoni lesta tgħin.”

Hawn semma d-diversi oqsma li fihom lesta tgħin l-Oppożizzjoni, oqsma li lil ħafna familji li jaffettwawhom b’mod dirett, bħall-faqar, l-għoli tal-ħajja, it-traffiku, l-edukazzjoni u ħafna oqsma oħra. “L-Oppożizzjoni lesta tgħin għaliex quddiem għajnejna għandha l-ġid u l-futur tal-poplu Malti, li jixraqlu aħjar. Jixraqlu direzzjoni ta’ fejn sejjer.”

Matul il-programm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem wkoll dwar fejn mar is-surplus li l-Gvern qal li qed jagħmel. “Jekk verament għandna dan is-surplus liema huma dawk is-setturi ekonomiċi ġodda li l-pajjiż se jinvesti fihom? Kif se niddiversifikaw l-ekonomija tagħna? Dan minbarra li jekk għandna s-surplus li qed jgħid li għamel il-Gvern allura €1.75 fil-ġimgħa mhux biżżejjed.”

Hawn Adrian Delia spjega kif il-Gvern Laburista qed jipprova jagħti l-impressjoni li d-dejn tal-pajjiż taħtu ma żdiedx, meta fil-verità dan żdied b’elf miljun ewro.

Tema oħra diskussa waqt il-programm kienet in-nefqa ta’ €700 miljun li l-Gvern qal li se jonfoq għat-toroq f’pajjiżna li qal se jlestihom f’seba’ snin. Hawn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li anke hawn il-Gvern m’għandux viżjoni fit-tul. Spjega wkoll li wasal iż-żmien li naħsbu f’alternattivi veri għal din il-problema.

“Jekk il-Gvern mhux jippjana fejn se nieħdu l-pajjiż fi żmien 10 snin oħra, fi żmien 15-il sena oħra, u aktar kif jista’ jippjana t-toroq tal-pajjiż mingħajr ma nindirizzaw il-problema tat-traffiku u l-ammont ta’ karozzi li qed jiżdiedu kuljum fit-toroq ta’ pajjiżna?

Irridu naraw x’tip ta’ turisti se nkomplu nattiraw lejn il-pajjiż fil-futur u jekk l-infrastruttura tal-pajjiż bħalma huma t-toroq ikunux jifilħu għal dik iż-żieda ta’ turisti jew ħaddiema li jaħdmu f’pajjiżna. Barra minn Malta meta jirranġaw it-toroq iżommu f’moħħhom l-isfidi tal-pajjiż fi żmien 15, 20 sena u mhux fuq medda ta’ 7 snin. Dik mhijiex viżjoni fit-tul.”

Tema oħra diskussa waqt il-programm kienet l-edukazzjoni. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li anke hawn il-Gvern ma rnexxilux jidentifika li hemm problemi, sfidi, bħalma qalet l-MUT. “Irridu naraw minn fejn bdiet is-soċjetà Maltija, il-valuri li tħaddan, fejn waslet is-soċjetà u fejn irridu naslu biex it-tfal tagħna, il-ġenerazzjonijiet futuri, noffrulhom ħajja aħjar minn dik li qed ngħixu aħna.”