Internazzjonali

Skandlu kbir ta’ abbuż sesswali f’Hollywood

Harvey Weinstein

Qed ikompli jikber skandlu li jinvolvi Harvey Weinstein, wieħed mill-producers ewlenin f’Hollywood.
Dan wara li ħafna nisa, fosthom diversi attriċi famużi, kixfu li kienu sfaw abbużati sesswalment minnu u b’xi wħud jirappurtaw li saħansitra kienu spiċċaw stuprati minn Weinstein li għandu 61 sena.
Issa fl-aħħar żvilupp f’dan l-iskandlu, martu Georgina Chapman, l-istilista Ingliża tal-moda u li għandha 41 sena, ħabbret li kienet se titilqu u qalet li dak li għamel ma jistax jinħafer. Il-koppja għandhom żewġt itfal.
Il-każi bdew jinkixfu wara li fetħu qalbhom mal-midja Amerikana l-attriċi Ashley Judd u Rose McGowan.
Fost l-attriċi li svelaw li Weinstein ħebb għalihom kien hemm Angelina Jolie u Gwyneth Paltrow li qalu li l-inċidenti ma’ Weinstein seħħew fil-bidu tal-karrieri tagħhom.
Fost dawk li qalu li Weinstein kien stuprahom hemm l-attriċi u direttriċi Taljana Asia Argento.
Sadattant dwar dak li qed jinkixef tkellmu wkoll Barack Obama u Hillary Clinton. Dan peress li Weinstein kien jgħin ħafna lil Partit Demokratiku. Barack Obama u martu Michelle qalu li kienu “disgustati” dwar dak li nkixef dwar Weinstein u faħħru lin-nisa li kixfu kollox.