Gowl kontroversjali poġġa lill-Panama fil-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja hekk kif dawn għelbu lill-Costa Rica bi skor ta’ 2-1. Dan ir-riżultat fisser ukoll li l-Istati Uniti sfaw eliminati b’telfa ta’ 2-1 kontra Trinidad u Tobago.
Qabel il-logħba l-Panama kienu jafu li kellhom bżonn rebħa wara li ftit jiem qabel huma stess kienu tilfu 4-0 kontra l-Istati Uniti. VENEGAS kien poġġa lill-Costa Rica fil-vantaġġ b’gowl fit-36 minuta u fit-52 minuta wasal il-gowl diskutibbli tal-Panama.
Minn azzjoni ta’ corner il-ballun ħabat ma’ id Gabriel TORRES qabel ma waqaf eżatt fuq il-linja imma r-referee Walter Lopez iġġudika li l-ballun kien qasam il-linja. Minkejja l-protesti tal-plejers tal-Costa Rica il-gowl ingħata u tliet minuti mit-tmiem il-Panama skurjaw il-gowl rebbieħ permezz ta’ Roman TORRES.
Dak li seħħ hu proprju l-kontra ta’ dak li kien seħħ fl-2013 meta dakinhar l-Istati Uniti kienu għelbu lill-Panama biex kienu huma li għaddew għat-Tazza tad-Dinja tal-2014.
Il-logħba bejn il-Panama u l-Costa Rica fakkret lil ħafna fil-partita bejn Franza u l-Irlanda, li fl-2009 lagħbu kontra xulxin fil-play-off għat-Tazza tad-Dinja tal-2010. Dakinhar l-attakkant Henry kien uża idu fl-azzjoni li wasslet għall-gowl ta’ Franza.
Ta’ min jinnota li fil-partiti tal-fażi ta’ kwalifikazzjoni taz-zona tal-CONCACAF ma tintużax it-teknoloġija tal-VAR biex ikun determinat jekk il-ballun ikunx qabeż il-linja. Jum wara din ir-rebħa l-President tal-Panama Juan Carlos Varela ddikjara festa nazzjonali.
L-Istati Uniti tilfu 2-1 kontra Trinidad. Dawn tal-aħħar marru fil-vantaġġ b’gowl ta’ GONZALEZ u fit-36 minuta għamluhom tnejn b’gowl mill-isbaħ ta’ Alvin JONES. Minkejja li PULISIC naqqas id-distakk għall-Istati Uniti hekk kif bdiet it-tieni taqsima l-iskor baqa’ hekk sat-smiem.
F’partita oħra l-Honduras rebħu 3-2 kontra l-Messiku biex għaddew għall-play-offs u se jilagħbu kontra l-Awstralja.
//= $special ?>