Futbol Sport

Tom Saintfiet kowċ ta’ Malta minflok Pietro Ghedin

Tom Saintfiet

L-MFA ħabbret li l-kowċ Belġjan Saintfiet se jkun qed jieħu post Pietro Ghedin bħala kowċ nazzjonali ta’ Malta.

Ghedin kien ilu ħames snin imexxi lil Malta u l-aħħar logħba tiegħu kienet dik ta’ nhar il-Ħadd li għadda kontra s-Slovakkja.

Il-Belġjan ta’ 44 sena Saintfiet ilu sa mill-1997 jikkowċja diversi klabbs, fosthom timijiet nazzjonali tal-livell ta’ pajjiżna.

Bla dubju li l-iktar suċċess riċenti tal-Belġjan kien man-Namibia, li rnexxielu jassistihom biex avvanzaw 34 post fir-rankings tal-FIFA u kisbu l-aqwa pożizzjoni fl-aħħar għaxar snin.

Dan anke grazzi għal rebħa fuq iż-Żimbabwe, il-Congo u draws kontra l-Lebanon, l-Angola u l-Afrika t’Isfel fost l-oħrajn.

Tant kien irnexxielu jagħmel xi ħaġa kbira għal dan il-pajjiż, li l-midja tan-Namibia ddeskrivewh bħala The Saint u The Messiah.

L-ewwel esperjenza fit-tmexxija ta’ tim nazzjonali kien fl-2004 bħala kowċ tal-U17s tad-Dubaj fejn kiseb kwalifikazzjoni għall-FIFA U17 World Championship tal-2005.

Mat-Togo, hu għen lill-iskwadra nazzjonali tikkwalifika għat-Tazza tal-Afrika tal-2017.

Wara, din l-esperjenza mexxa’ pajjiżi oħra fosthom iż-Żimbabwe, Etjopja, Yemen, Malawi, Togo, Bangladesh kif ukoll it-Trinidad and Tobago.

Ma’ skwadri lokali, Saintfiet ikkowċja f’diversi pajjiżi fosthom il-Belġju, il-Finlandja, il-Qatar, il-Ġermanja, il-Gżejjer Faroe, il-Ġordan u l-Olanda.

Saintfiet mistenni jagħmel id-debutt tiegħu ma’ Malta fit-12 ta’ Novembru f’Ta’ Qali kontra l-Estonja.
Hu se jkun preżentat lill-midja fil-jiem li ġejjin.