Iż-żagħżugħ promettenti Ben Plumpton se jkun qed jilgħab barra minn Malta għat-tieni staġun konsekuttiv hekk kif din id-darba ngħaqad mal-klabb Taljan Posillipo. Plumpton se jkun qed jilgħab mat-tim ta’ taħt l-20 sena, b’possibbiltà wkoll li jilgħab mat-tim tal-kbar. Il-klabb ta’ Posillipo twaqqaf fl-1925 u fost l-unuri rebaħ il-kamponat A1 11-il darba bl-aħħar kampjonat jintrebaħ fl-2004.
L-istaġun li għadda, Plumpton lagħab fis-Serbja taħt il-kotba ta’ Vojvodina bi staġun pożittiv mat-tieni tim Dunav. Il-plejer ta’ 19-il sena kien imfaħħar mid-direttur tekniku tal-klabb Naplitan Carlo Silipo, u jawgura tajjeb biex iż-żagħżugħ ikollu staġun ieħor pożittiv.
F’kummenti li ta lil netnews.com.mt, Plumpton qal li fl-aħħar ħmistax kien qed jitħarreġ f’Napli biex jipprova jintgħażel ma’ Posillipo, u qal li kienet esperjenza eċċellenti fejn seta’ jifhem xi tfisser li tilgħab ma’ klabb kbir u professjonali. “It-taħriġ hu serju u li trid ħafna iktar dedikazzjoni. Ħajja li sa ftit ilu kont biss noħlomha. Issa li din il-ħolma saret realtà, inħossni verament eċċitat aktar minn qatt qabel. Hemm se jkolli ċans li nilgħab mal-istess idoli tiegħi li ftit minnhom lagħbt magħhom fil-kampjonat Malti fl-aħħar snin.”
“Din l-esperjenza għandha tkun il-bidu tal-ħolma li b’dedikazzjoni kbira se tgħin biex twassalni għal ħafna aktar. Naf li mhux faċli. Qatt mhu faċli li tħalli pajjiżek u titlaq tgħix u tilgħab barra għaliex diġà esperjenzajtha, però naf ukoll li bid-determinazzjoni tista’ tkun aktar possibbli. Jien se mmur bi ħġari u nagħmel l-almu tiegħi biex minn din l-esperjenza nitgħallem u nikber fil-Waterpolo ħafna aktar minn qatt qabel,” qal Plumpton.
Iż-żagħżugħ irringrazzja lil dawk kollha li għenu biex dan il-pass ikun possibbli speċjalment lill-kowċ nazzjonali Karl Izzo li minn dejjem emmen fil-potenzjal u d-determinazzjoni ta’ Plumpton, lill-kumitat ta’ San Ġiljan fosthom il-President Dr. Daniel Aquilina u Alfredo Spiteri De Barro li tawh l-opportunità u ħeġġewh biex jagħmel il-pass.
“Jien inħossni preparat u entużjast ħafna għal din l-avventura l-ġdida. Nawgura lil żgħażagħ oħra sportivi li jibdew jemmnu aktar fil-kapaċitajiet tagħhom u jagħmlu kuraġġ biex jiħdu ċ-ċans għal pass bħal dan. Pass li bid-determinazzjoni u dedikazzjoni tista’ tasal,” temm jgħid Plumpton.
Fis-sena 2017, Plumpton kompla jsaħħaħ postu bħala skorer prolifiku, b’26 gowl skorjat fil-kampjonat tas-sajf, tmien gowls skorjati fil-kampjonat tax-xitwa, u tliet gowls skorjat fil-kompetizzjoni tan-knock-out għal total ta’ 37 gowl.
//= $special ?>

