Aġġornata – Erġa’ tella l-paġna jew agħfas CTRL+F5 għal verżjoni aġġornata
Ajruplan tar-Ryainair kellu jagħmel inżul ta’ emerġenza wara li kellu jabbanduna titjira li telqet minn Malta.
L-ajruplan kien pjanat li jitlaq minn Malta lejn Bristol fl-Ingilterra, iżda appena beda jagħmel it-tlugħ għall-ħabta tas-7.30 ta’ filgħodu, irriżulta li kienu żviluppaw ħsarat f’waħda mir-roti ajruplan, dan hekk kif NET News jinsab infurmat li aktarx, infaqgħet waħda mir-roti tal-ajruplan, magħrufa bħala ‘landing gear’.
Minħabba f’hekk, ittieħdet deċiżjoni li l-ajruplan ma jibqax sejjer lejn Bristol iżda jerġa’ jitniżżel fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Madanakollu, biex ma jkunx hemm konsegwenzi ferm aktar gravi f’każ ta’ problemi fl-inżul, ġie deċiż li l-ajruplan jittajjar fi ċrieki fuq il-gżejjer Malti, partikolarment fuq Għawdex, bl-iskop li dan jaħli kemm jista’ jkun fuel qabel jinżel. Dan minħabba l-biża’ li jekk fl-inżul imur xi ħaġa ħażin u jiġi kkawżat xi nar, il-fuel tal-ajruplan ma joħloqx aktar konsegwenzi.
Biex seta’ jinħela l-akbar ammont possibbli ta’ fuel, l-ajruplan kellu jagħmel numru ta’ dawriet fuq il-gżejjer Maltin, u dan peress li l-ajruplan kellu provvista ta’ fuel biżżejjed għat-titjira oriġinali lejn l-Ingilterra.
Sakemm l-ajruplan kien qed jaħli l-fuel apposta, l-ajruplani li kienu fl-ajruport u li kienu waslu biex jitilqu, kif ukoll dawk l-ajruplani li kienu viċin lejn Malta, ngħataw permess jitilqu jew jinżlu Malta qabel l-ajruplan tar-Ryanair, dan biex f’każ ta’ xi inċident, dawk it-titjiriet ma jkunux affettwati.
Li kien hemm ħsarat tekniċi fil-‘landing gear’ kien konfermat mill-Gvern fi stqarrija li nħarġet ftit wara l-inżul, bil-Gvern jgħid ukoll li l-ajruplan kellu jtir f’għoli ta’ madwar 6,000 pied fuq Għawdex biex jaħli l-fuel sabiex ikun sigur biex jinżel lura Malta taħt kundizzjonijiet ta’ emerġenza.
Bħala prekawzzjoni, malli sar magħruf li l-ajruplan kellu jitniżżel lura Malta, iddaħħal fis-seħħ il-pjan ta’ emerġenza tal-ajruport, u fuq il-post marru Pulizija, ambulanzi u anke vetturi tal-Protezzjoni Ċivili f’każ ta’ emerġenza. Madanakollu, fortunatament, l-inżul seħħ b’suċċess bejn id-disgħa u għaxra u d-disgħa u kwart ta’ filgħodu mingħajr konsegwenzi negattivi, bl-operat tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jkompli b’mod normali.