Internazzjonali

Gaza: Ftehim sinifikanti bejn il-Hamas u l-Fatah

 

Il-gruppi tal-Palestinjani rivali, Hamas u Fatah, iffirmaw ftehim ta’ rikonċiljazzjoni biex  itemmu diżgwid ta’ għaxar snin. Ingħad li l-ftehim, iffirmat fl-Eġittu, ikopri s-sigurtà flimkien ma’ arranġamenti amministrattivi u għall-aċċessi mill-fruntiera fil-Medda ta’ Gaza.

Il-President Palestinjan, Mahmoud Abbas, li jmexxi l-grupp Fatah, qal li dan il-‘ftehim finali’ jikkonkludi d-differenzi kbar li kienu jeżistu mal-Hamas u li hu jaqbel ‘mar-rapport iddettaljat li wasslitlu d-delegazzjoni tiegħu fil-Kajr’. Abbas, fil-ġimgħat li ġejjin, se jivvjaġġa lejn il-Medda ta’ Gaza għall-ewwel żjara tiegħu fit-territorju għal għaxar snin.

Ismail Haniyeh, il-Kap tal-Hamas, ukoll qal li l-grupp tiegħu laħaq ftehim mal-Fatah, wara taħditiet sinifikanti dwar it-termini tal-kontroll fuq il-Medda ta’ Gaza.

Intant, qegħdin joħorġu d-dettalji dwar il-ftehim, bl-iżvilupp isegwi jumejn ta’ taħditiet bejn ir-rappreżentanti tal-Hamas u l-Fatah fil-Kajr, taħt l-awspiċi Eġizzjani.

It-taħditiet immarkaw l-aħħar f’sensiela ta’ tentattivi lejn il-konklużjoni tad-diżgwid  fuq kunċetti ta’ territorju, politika u ideoloġija bejn il-gruppi Palestinjani rivali. Dawn id-differenzi, intant, kienu xekklu l-aspirazzjonijiet għal Stat tal-Palestina.

Fl-2007 – sena wara li kien rebaħ l-elezzjonijiet parlamentari għall-Palestinjani – il-grupp Hamas, magħmul mill-militanti Iżlamiċi, kien ħareġ lill-Awtorità ta’ Abbas minn Gaza, bir-riżultat li Abbas spiċċa jamministra fuq zoni awtonomi fix-Xatt tal-Punent okkupat mill-Iżraeljani.

Tul dawn l-għaxar snin, il-Hamas u l-Fatah komplew jikkonsolidaw il-kontroll fuq it-territorji rispettivi, f’sitwazzjoni li kkumplikat l-impenn lejn forma ta’ kompromess fl-interess tal-Palestinjani kollha.