Lokali

HSBC hu l-ewwel bank ewlieni f’’Malta li qed iniedi kards ta’ pagament bla kuntatt

HSBC Malta qed jagħmel il-ħajja eħfef għall-klijenti tiegħu bl-introduzzjoni tat-teknoloġija ta’ contactless cards, u sar l-ewwel bank ewlieni f’Malta li qed iniedi kards li joffru din il-funzjonalità.

It-teknoloġija contactless tippermetti lill-klijenti mod aktar mgħaġġel u aktar konvenjenti biex iħallsu kważi għal kollox, b’limitu li jkun stabbilit minn qabel. Id-detenturi tal-HSBC Premier Credit se jkunu l-ewwel li jibbenefikaw minn din l-innovazzjoni qabel ma s-servizz jkun estiż għall-klijenti l-oħra fl-2018.

Minflok ma jużaw flus kontanti, il-klijenti Premier jistgħu jħallsu billi sempliċement imissu l-kard tagħhom mat-terminal tal-point-of-sale (POS) u l-ħlas ikun ipproċessat mill-ewwel u awtomatikament. Din il-kard se taħdem kemm f’Malta kif ukoll barra  f’ POS li jkunu mmarkati bis-simbolu ta’ contactless. Pereżempju, il-klijenti Premier se jkunu jistgħu jużaw il-kards tagħhom biex ikollhom aċċess dirett għall-underground ta’ Londra mingħajr ma jkollhom bżonn jixtru biljett.

Dawn il-kards huma sikuri ħafna b’għadd ta’ kontrolli u huma mgħammra bl-aktar teknoloġija tas-sigurtà riċenti minn Mastercard. Dan sar bil-ħsieb li l-klijenti jkunu jistgħu jkollhom rashom mistieħa kull meta jħallsu. Il-pagamenti contactless għandhom limitu ta’ tranżazzjoni u fil-każ ta’ HSBC Malta, il-limitu hu ta’ €25 għal kull tranżazzjoni. Hemm ukoll l-istess protezzjoni kontra tranżazzjonijiet frodolenti bħas-sistema eżistenti taċ-ċippa u l-PIN. Bħala prekawzjoni addizzjonali, il-klijenti se jkunu mitluba biex idaħħlu l-PIN tagħhom minn żmien għal żmien biex jikkonfermaw l-identità tagħhom.

Daniel Robinson, il-Kap tar-Retail Banking and Wealth Management ta’ HSBC Malta, qal: “Ninsab sodisfatt ħafna li aħna l-ewwel bank ewlieni f’Malta li qed iniedi l-contactless cards. Qed nantiċipa li l-ħlasijiet bla kuntatt se jikbru malajr fil-popolarità madwar il-pajjiż kollu hekk kif in-nies jirrealizzaw li dal-mod ta’ ħlas hu aktar konvenjenti u sikur milli jużaw flus kontanti.”

Il-benefiċċji, it-termini u l-kundizzjonijiet tal-contactless credit cards tal-HSBC Malta Premier jistgħu jinkisbu minn fuq il-websajt hsbc.com.mt jew billi jikkuntattjaw lill-bank fuq in-nurmu 2148 9100.