Internazzjonali

Ikompli jikber l-iskandlu tal-abbuż sesswali f’Hollywood

Harvey Weinstein

Il-Pulizija fi New York minn ħin għall-ieħor mistennija jkelmu lil Harvey Weinstein, wieħed mill-kolonni tal-industrja tal-films f’Hollywood, minħabba r-rapporti li qed joħorġu li kien jabbuża n-nisa li kienu jaħdmu miegħu.

Weinstein kien is-sid tal-Miramax, kumpannija ewlenija tal-films f’Hollywood.
Martu Georgina Chapman, l-istilista Ingliża tal-moda u li għandha 41 sena, ħabbret li kienet se titilqu u qalet li dak li għamel ma jistax jinħafer. Il-koppja għandhom żewġt itfal.

Fost l-attriċi li svelaw li Weinstein ħebb għalihom kien hemm Angelina Jolie u Gwyneth Paltrow li qalu li l-inċidenti ma’ Weinstein seħħew fil-bidu tal-karrieri tagħhom.


Weinstein filwaqt li ammetta xi wħud mill-akkużi u tkeċċa mill-kumpanija li kien imexxi, The Weinstein Company, qed jiċħad l-akkużi ta’ stupru imma qal li lest jikkopera fi kwalunkwe investigazzjoni kriminali.

Fost dawk li qalu li Weinstein kien stuprahom hemm l-attriċi u direttriċi Taljana Asia Argento.
Sadattant dwar dak li qed jinkixef tkellmu wkoll Barack Obama u Hillary Clinton. Dan peress li Weinstein kien jgħin ħafna lil Partit Demokratiku. Barack Obama u martu Michelle qalu li kienu “disgustati” dwar dak li nkixef dwar Weinstein u faħħru lin-nisa li kixfu kollox.

Weinstein tant kien qrib il-familja Obama li t-tifla l-kbira tal-eks-President, Malia, din is-sena marret taħdem għal perjodu qasir fil-kumpanija ta’ Weinstein. Hillary Clinton qalet li kienet ixxukjata minn dak li nkixef. Weinstein kien ukoll ta ħafna flus lill-kampanja Presidenzjalit ta’ Clinton fl-2016.
Il-każi bdew jinkixfu wara li fetħu qalbhom mal-midja Amerikana l-attriċi Ashley Judd u Rose McGowan.