Lokali Qorti

Il-ġuri dwar il-qtil fil-Qbajjar joqrob lejn tmiemu: L-Imħallef Antonio Mizzi jindirizza lill-ġurati

Xogħol l-Imħallef f'dan l-istadju hu li jislet rendikont ta' dak li ntqal matul il-ġuri u jiggwida lill-ġurati fuq x'inhu l-iktar importanti u x'għandhom jiskartaw fid-deliberazzjonijiet tagħhom biex jaslu għal verdett.

Il-ġuri ta’ Gerald Galea, li jinsab mixli bi qtil volontarju, qed joqrob lejn tmiemu hekk kif l-Imħallef Antonio Mizzi bħalissa qed jindirizza lill-ġurati qabel jibgħathom jiddeliberaw il-każ.

Gerald Galea ta’ 67 sena minn Marsalforn, Għawdex, jinsab akkużat bil-qtil volontarju ta’ John Spiteri ta’ 54 sena. Id-delitt kien seħħ fil-Qbajjar Għawdex fid-19 ta’ Ġunju 2013 fit-3.15p.m. meta il-vittma, flimkien ma’ ibnu Matthew Spiteri, kien qed jiżbor siġar biex jagħmel spazju għal gabbana. F’mument minnhom tfaċċa l-akkużat bil-karozza tiegħu jilmenta dwar dan. L-argument eskala, u wara li allegatament dar numru ta’ drabi madwar il-parkeġġ, Galea allegatament saq fuq Spiteri.

Ir-raġel, iddaħħal l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex f’qagħda kritika u tilef ħajtu ftit siegħat wara.  Minbarra l-qtil volontarju ta’ John Spiteri, Gerald Galea jinsab akkużat ukoll bl-attentat ta’ qtil ta’ Matthew Spiteri u li kkaġuna ħsarat kbar fuq vettura li ma kienitx tiegħu.

Il-ġurati ilhom għal dawn l-aħħar tliet ġimgħat jisimgħu xhieda u murija provi dwar x’ġara dakinhar. Bil-Prosekuzzjoni u d-Difiża iressqu s-sottmissjonijiet tagħhom bi skambji bejniethom li kultant kienu mqanqla mhux ħażin.

Bħalma jiġri f’kull ġuri, l-aħħar kelma li jisimgħu il-ġurati hi dik tal-Imħallef sedenti li f’dan il-każ hu l-Imħallef Antonio Mizzi.

Xogħol l-Imħallef f’dan l-istadju hu li jislet rendikont ta’ dak li ntqal matul il-ġuri u jiggwida lill-ġurati fuq x’inhu l-iktar importanti u x’għandhom jiskartaw fid-deliberazzjonijiet tagħhom biex jaslu għal verdett. L-Imħallef ifiehem ukoll lill-ġurati il-punti tal-liġi, fosthom l-elementi li jridu jkunu preżenti biex ikun seħħ reat: l-intenzjoni li twettaq l-att akkumpanjata mit-twettiq tal-att innifsu.

L-Imħallef jispjega wkoll il-grad ta’ prova li hu meħtieġ mill-liġi sabiex wieħed jasal għal verdett ta’ ħtija. Fil-każ ta’ proċeduri kriminali, il-ġurati iridu jkunu moralment konvinti lil hinn minn kull dubju dettat mir-raġuni li l-akkużat wettaq ir-reati li dwarhom jinsab mixli. Jekk ma jintlaħaqx dan il-grad, il-ġurati ma jistgħux joħorġu verdett ta’ ħtija.

F’każ ta’ verdett ta’ ħati, l-Imħallef jagħti sentenza u jimponi piena skont kif titlob il-liġi għar-reat speċifiku li tiegħu l-akkużat ikun instab ħati. Fil-każ tal-lum, l-akkużat jista’ jingħata piena ta’ għomor il-ħabs jekk jinstab ħati ta’ omiċidju volontarju.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Giannella Busuttil u Kevin Valletta mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukati Arthur Azzopardi u Jason Azzopardi dehru għall-akkużat filwaqt li l-Avukat Joseph Giglio deher parte civile għall-familja tal-vittma.