· Emmanuel Camilleri mistenni jieħu l-każ quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem
Raġel li fl-2011 kien ikkundannat iservi sentenza ta’ priġunerija wara li kien instab ħati li kkorrompa lil bintu se jkun qed jippreżenta l-każ tiegħu quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasbourg wara li l-Qorti Kostituzzjonali iddikjarat li ma nkisirx id-dritt fundamentali tiegħu ta’ smiegħ xieraq.
Emmanuel Camilleri kien intbagħat il-Ħabs bis-saħħa tax-xhieda ta’ bintu, li wara iddikjarat li xehdet falz kontra missierha għaliex kienet imġiegħla minn ommha.
F’Settembru li għadda, il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) ippreseduta mill-Imħallef Joseph R Micallef ikkonfermat ir-rikors ta’ Camilleri u qalet li għalkemm is-sistema tal-ġustizzja ħadmet b’mod korrett, ix-xhieda falza ta’ bint Camilleri wasslet biex il-ġustizzja kienet applikata b’mod ħażin. B’konsegwenza ta’ dan, il-Qorti ordnat li isem Camilleri jitneħħa mir-reġistru ta’ persuni ħatja ta’ reati ta’ natura sesswali. Kemm Camilleri kif ukoll l-Avukat Ġenerali appellaw minn din is-sentenza.
Fis-sentenza mogħtija iktar kmieni din il-ġimgħa, il-Qorti Kostituzzjonali preseduta mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri u l-Imħallfin Noel Cuschieri u Tonio Mallia, ċaħdet iż-żewġ appelli.
L-ilment ewlieni ta’ Camilleri hu li l-fatt li kien instab ħati u li sussegwentement bintu ammettiet li xehdet falz, dan minnu nnifsu jikkostitwixxi ksur tad-dritt fundamentali tiegħu għal smiegħ xieraq li kompla jżid man-nuqqasijiet tal-proċess tal-ġustizzja li falla milli jsib il-verita’.
Madanakollu, l-Qorti Kostituzzjonali ma’ qablitx ma’ dan l-argument u sostniet li ma jistax jingħad li l-Ewwel Qorti ma’ tatx importanza għall-fatt li t-tifla riedet tibdel il-versjoni tagħha. Għall-kuntrarju, il-Qorti investigata sabiex laħqet il-konklużjoni dwar x’għandu jiġi emmnut.
“Fid-dawl ta’ dak li seħħ waqt il-proċeduri kriminali, ma jistgħux jingħad li d-deċiżjoni milħuqa mill-qrati kompetenti, kienet waħda mhux raġjonevoli. Il-Qrati ma njorawx xhieda relevanti u taw il-piż mistħoqq għal kull xhieda li ngħatat. L-Appellant (Camilleri) ma kienx imċaħħad milli jippreżenta l-każ tiegħu u milli jagħmel kontroeżami tax-xhieda,” tenniet il-Qorti Kostituzzjonali.
Il-Fatt li kien hemm deċiżjoni li t-tifla kienet ħatja ta’ xhieda falza, dan ma jfissirx li Camilleri ma ngħatax id-dritt ta’ smiegħ xieraq. “Mhux kull deċiżjoni ‘żbaljata’ tfisser ksur tad-dritt għal smiegħ xieraq,” ikkonkludew l-Imħallfin.
B’riferenza għall-ilment ta’ Camilleri li l-Ispettur Louise Calleja kisret id-drittijiet tiegħu għax ma emmnitx l-innoċenza tiegħu, il-Qorti rrimarkat li hu “kważi assurd tgħid li prosekutur qed jikser id-dritt għal smiegħ xieraq meta jkompli l-prosekuzzjoni għaliex ma jemminx l-istqarrijiet ta’ innoċenza mill-akkużat.”
Għal kuntrarju, il-Qorti qalet li l-Ispettur Calleja kienet tonqos minn dmirha kieku ma komplietx bil-Prosekuzzjoni tagħha, aktar u aktar fid-dawl tal-fatt li tal-vulnerabilita’ tal-allegata vittma.
Il-Qorti kompliet li x’aktarx kien ikun iktar korrett kieku l-ewwel qorti, minflok sempliċiment tirrevoka s-sentenza ta’ ħtija, kienet tordna li l-proċeduri jibdew mill-ġdid għaliex wara kollox hi l-Qorti Kriminali u mhux il-Qorti Kostituzzjonali li tiddeċiedi dwar ħtija jew le.
Minkejja dan, il-Qorti tifhem li ma kien ikun fl-interess tal-ebda parti kieku kienu ordnati proċeduri ġodda 15-il sena wara li ġara l-allegat każ. “Għaldaqstant, kienet għaqlija l-Ewwel Qorti li minkejja li ma sabitx ksur tad-drittijiet fundamentali, irrevokat is-sentenzi u waqfet hemm.”
Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet kemm l-appell ta’ Emmanuel Camilleri kif ukoll l-appell tal-Avukat Ġenerali.
L-Avukat Tonio Azzopardi deher għal Camilleri
//= $special ?>