Lokali Qorti

Il-Qorti tordna li jinqerdu 4,570 arloġġ falz tad-ditta Rolex, ħwejjeġ u “merchandise” tad-ditta Adidas

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili illum ordnat li jinqerdu 4,570 arloġġ tad-ditta Rolex li jirriżulta li huma foloz. F’sentenzi separati mogħtija dalgħodu, l-Imħallef Mark Chetcuti ordna wkoll id-distruzzjoni ta’ 1,620 par żraben sportivi imitazzjoni tad-ditta Adidas kif ukoll 500 earphones u 7,500 mobile phone covers li fuqhom kellhom il-marka Adidas mingħajr il-permess tad-dentetur tat-trademark.

Il-kunsinna tal-arloġġi lussużi foloz waslet Malta fil-Port Ħieles fi triqtha lejn il-Libja fis-27 ta’ Marzu li għadda. Il-merkanzija nżammet mill-Kontrollur tad-Dwana fuq suspett li l-arloġġi huma imitazzjoni u m’humiex verament tad-ditta Rolex. Il-Qorti, wara li semgħet il-partijiet, iddikjarat li l-oġġetti jiksru d-drittijiet tal-propjeta’ intellettwali u t-trademarks tad-ditta Żvizzera Rolex u ordnat id-distruzzjoni tagħhom fi żmien 90 ġurnata.

Iċ-ċirkostanzi fil-każi ta’ żraben u l-merchandise imitazzjoni tad-ditta Adidas kienu simili għal dawk tal-arloġġi Rolex, bid-dwana taqbad din il-merkanzija meta waslet fil-Port Ħieles fi triqtha lejn il-Libja fis 17 ta’ Ġunju u fit-30 ta’ Ġunju li għadda rispettivament.

Anki hawnhekk, il-Qorti iddikkjarat li l-oġġetti jiksru d-drittijiet tal-propjeta’ intellettwali u t-trademarks tad-ditta Adidas u ordnat li dawn jinqerdu fi żmien 90 ġurnata mid-data tas-sentenza.

L-Avukat Peter Fenech deher għas-soċjeta’ Żvizzera Rolex S.A. L-Avukat Antoine Camilleri deher għan-nom ta’ Adidas International Marketing ibbażata fl-Olanda u l-kumpanija Ġermaniża Adidas.

Il-Qorti innominat lill-Avukat Josette Sultana bħala kuratur għall-assenti kunsinnatarji fil-Libja.