Internazzjonali

L-Istati Uniti u Iżrael jitilqu mill-UNESCO

L-Istati Uniti ħarġet mill-UNESCO, l-organizzazzjoni kulturali tan-Nazzjonijiet Uniti, fejn akkużatha dwar ‘politika kontra Iżrael’.

Ftit sigħat wara, Iżrael ħabbar li qed jieħu l-istess pass waqt li faħħar lill-Istati Uniti dwar ‘id-deċiżjoni kuraġġjuża u morali tiegħu’.

L-aġenzija UNESCO hi magħrufa li tiddikjara siti għall-patrimonju dinji bħal Palmyra, fis-Sirja, u l-Grand Canyon tal-Istati Uniti.

Id-Dipartiment tal-Istat Amerikan qal li hu anki mħasseb  dwar il-problemi finanzjarji fl-UNESCO waqt li tenna li l-aġenzija teħtieġ tkun irriformata.

Il-Kap tal-UNESCO, Irina Bokova, qalet li l-irtirar tal-Istati Uniti hu xi ħaġa ta’ ‘dispjaċir kbir’. Intant l-aħħar żvilupp segwa deċiżjonijiet mill-UNESCO li kienu qanqlu kritika mill-Istati Uniti u Iżrael.

Fl-2011, l-Istati Uniti kienet ħassret il-kontribuzzjoni għall-baġit tal-aġenzija bi protesta għad-deċiżjoni tal-UNESCO biex tagħti sħubija sħiħa lill-Palestinjani.

Intant, l-irtirar tal-Istati Uniti mill-UNESCO issir effettiva fl-aħħar ta’ Diċembru tal-2018 u sa dak iż-żmien hi għandha tibqa’ membru sħiħ tal-aġenzija.