Nils Muiznieks, il-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem, talab lill-Italja biex twaddab aktar dawl fuq il-ftehim li għamlet mal-Libja biex trażżan l-immigrazzjoni.
It-talba ta’ Muiznieks saret lil Marco Minniti, il-Ministru tal-Intern Taljan, fost rapporti ta’ tortura fost l-immigranti maqbuda fil-Libja.
Muiznieks qal li fid-dawl tar-rapporti dwar id-drittijiet tal-bniedem għall-immigranti fil-Libja, li wieħed jagħtihom lura lill-awtoritajiet Libjani jew gruppi oħra kien qed jesponihom għal periklu kbir li jispiċċaw torturati jew vittmi ta’ trattament xejn xieraq.
Hu talab għal kjarifika dwar x’tip ta’ appoġġ il-Gvern Taljan se jkun qed jagħti lill-awtoritajiet Libjani fl-ibħra territorjali Libjani u x’assigurazzjoni ngħatat l-Italja li dawk li jintbagħtu lura l-Libja jkunu stmati sew.
Skont ftehim li sar f’Lulju, l-Italja se tipprovdi appoġġ tekniku u waqt ħidma mill-Gwardja tal-Kosta Libjana biex jinterċettaw il-laneċ b’immigranti u jintbagħtu lura lejn il-Libja.
Diversi gruppi umanitarji qed isostnu li l-immigranti qed jinżammu f’kundizzjonijiet mill-agħar fil-Libja u b’ħafna jippreferu jmutu waqt il-vjaġġ fuq il-baħar milli jibqgħu fil-Libja. L-Italja qalet li dan il-pass kellu l-iskop li jikkumbatti t-traffikar tan-nies filwaqt li jitnaqqsu l-imwiet waqt il-vjaġġi.
Filwaqt li l-ftehim rażżan l-ammont ta’ immigranti li qed jibdew il-vjaġġ mil-Libja, qed ikun hemm żieda fil-vjaġġi li qed jitilqu mit-Tuneżija.
Nhar il-Ħadd, tmien immigranti tilfu ħajjithom meta bastiment tal-gwerra Tuneżin ħabat ma’ lanċa tal-immigranti barra l-kosta tal-gżejjer Kerkenna.
Mill-2014, aktar minn 600,000 persuna mill-Afrika, l-Asja u l-Lvant Nofsani daħlu fl-Italja, l-aktar bil-baħar.
L-Italja mitluba tikkjarifika l-ftehim mal-Libja


