Lokali

Meħtieġa viżjoni ħolistika li twassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar

Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tqis li l-Baġit 2018 fih miżuri pożittivi u inkoraġġanti fuq diversi aspetti.
Dawn jinkludu il-proposti dwar l-iskema dwar l-iskart u l-kontenituri tax-xorb li għandha tħalli impatt fuq l-ambjent, it-trasport kollettiv, il-vjolenza domestika, u l-adozzjoni u l-fostering.

Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-Baġit jindirizza xi aspetti li jaffetwaw il-kwalità tal-ħajja, bħall-ġurnata addizzjonali ta’ leave. Madankollu, jiffoka wisq fuq l-aspetti finanzjarji u l-miżuri ta’ darba li ser jiswew diversi miljuni ta’ ewro imma li ftit jikkontribwixxu għall-ġid komuni.

Filwaqt li l-aspett finanzjarju huwa importanti, però mhuwiex dak biss li jiddetermina l-kwalità tal-ħajja. Il-mudell kurrenti tal-iżvilupp imsejjes fuq il-Prodott Domestiku Gross u s-surplus, iħalli barra diversi aspetti oħra li huma importanti u li għandhom jiġu kkunsidrati.

Fl-istess ħin, għandha tiġi kkunsidrata wkoll li parti mis-surplus li ser isostni l-miżuri tal-Baġit ġej mill-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment (IIP), liema dħul mhuwiex sostenbibbli u li ta’ min jistħarreġ il-valur etiku u morali tiegħu.

Miżura tajba u adegwata u fit-tul mhijiex dik li tingħata ta’ darba biss fis-sena, jew għal xi okkażjoni partikolari, imma li tħalli l-effett fil-ħajja ta’ kuljum tal-individwu u tas-soċjetà. Dan jinkiseb bil-bidla fl-atitudni, fl-istil tal-ħajja, fil-produzzjoni u l-konsum, u fil-mod san ta’ kif ngħixu. I
Il-kwalità tal-ħajja fl-ibliet u fl-irħula tagħna hi marbuta, fil-parti l-kbira tagħha, mal-mezzi ta’ trasport, li spiss huma kawża ta’ tbatija u frustrazzjoni kbira għan-nies. It-toroq huma miżgħuda b’ħafna vetturi użati minn persuna waħda jew tnejn. Dan iwassal biex jiżdied it-traffiku u jogħla l-livell ta’ tniġġiż fl-arja.
Filwaqt li fil-Baġit issemmew miżuri pożittivi għal dan il-qasam, fl-istess ħin hu meħtieġ pjan fit-tul, bidla fil-mentalità u alternattivi serji ta’ trasport – mhux karozzi tal-linja biss – fejn wieħed iħares lejn l-isfida b’mod ħolistiku.
Aspett ieħor li ssemma fil-Baġit hu l-qasam tal-housing u s-suq tal-kirjiet. Il-housing mhuwiex kumdità imma dritt bażiku tal-bniedem. Hija wkoll responsabbiltà tas-soċjetà li tipproteġi l-ħajja u d-dinjità ta’ kull persuna billi tipprovdi l-kundizzjonijiet fejn il-ħajja tal-bniedem u d-dinjità ma jkunux imminati.
Il-Kummissjoni tilqa’ b’sodisfazzjon l-aħbar li ser tkun ippubblikata White Paper dwar is-suq tal-kera, li tobbliga lis-sidien jirreġistraw kull kuntratt ta’ kera tal-propjetajiet tagħhom. Madanakollu għandu jiġi spjegat aktar fid-dettall il-kunċett li se titratta l-White Paper li jgħid li fin-nuqqas tar-reġistrazzjoni tal-kuntratt tal-kera s-sid ma jkunx protett mil-liġijiet tal-pajjiż.
Il-Kummissjoni temmen li l-għan ta’ kull miżura li tiġi introdotta għandu jkun il-ħarsien tad-drittijiet tal-partijiet kollha, b’mod speċjali tal-persuni vulnerabbli. Mhuwiex ċar kemm dawn il-miżuri proposti ser jilħqu dan il-għan.

Filwaqt li fil-Baġit ġie enfasizzat b’mod ġust, li mhuwiex ser ikun hemm ir-rent control tal-passat u lanqas l-over regulation, għall-kerrejja b’kirjiet li ma jistgħux jlaħħqu magħhom is-sitwazzjoni tibqa’ prekarja u inkwetanti.

Dan sakemm jinstabu s-soluzzjonijiet adegwati li kif issemmi l-Baġit, għandhom jgħinu “b’mod effettiv lill-kerrej filwaqt li tkun ġusta mas-sidien”. Aspett ieħor dwar il-kirjiet huwa l-perjodu minimu tal-kirja li jekk jiżdied b’mod raġenevoli minn dak preżenti, jgħin lill-kerrej biex jippjana aħjar il-futur.

Fid-dawl ta’ dan kollu, għandha tiġi enfasizzata l-ħtieġa li l-progress u l-iżvilupp ma jkunux biss fil-qasam ekonomiku u teknoloġiku, imma wkoll fir-responsabbiltà tal-persuni, il-ħarsien tal-valuri, u b’etika soda u b’saħħitha.

Id-deċiżjonijiet politiċi u ekonomiċi m’għandhomx jiddependu minn loġika ta’ short-sighted efficiency, iffukata fuq il-profitt u s-suċċess elettorali. Id-deċiżjonijiet li jittieħdu għandhom ikunu fl-interess tal-ġid komuni.

Il-Kummissjoni tfakkar li l-ġid komuni mhuwiex il-ġabra flimkien tal-interessi tal-individwi, u biex naslu għalih irridu nitilqu minn “dak li huwa l-aħjar għalija” għal “dak li hu l-aħjar għal kulħadd”.

Kif spjega l-Arċisqof Charles J. Scicluna f’Jum l-Indipendenza, “kull awtorità ċivili trid tistinka biex tippromwovi l-ġid komuni fl-interess ta’ kulħadd, mingħajr ma tiffavorixxi ċittadini individwali jew kategoriji ta’ ċittadini”, sakemm dawn ma jkunux fi bżonn kbir jew ikunu verament żvantaġġjati b’mod li jesiġu attenzjoni partikulari.

Il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, filwaqt li tirrikonoxxi l-aspetti pożittivi u dawk inqas pożittivi, tawgura li jkun hemm aktar djalogu mal-imsieħba soċjali u mal-istakeholders kollha fis-soċjetà Maltija, li jwassal għal titjib u żvilupp awtentiku fil-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u dawk kollha li jgħixu f’pajjiżna.