F’kummenti li ta l-President tal-FIFA Gianni Infantino qal li biex l-attakkant tal-Arġentina Lionel Messi jitqies bħala l-aqwa plejer li qatt kien hawn irid jirbaħ it-Tazza tad-Dinja.
Nhar l-Erbgħa, hekk kif l-Arġentina kienet f’riskju kbir li ma tikkwalifikax għat-Tazza tad-Dinja kellu jkun Messi li salva lit-tim u b’hat-trick li skurja fl-aħħar logħba mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni kontra l-Ekwador, għen lit-tim jirbaħ 3-1 u jgħaddi għat-turnament li se jsir sena oħra fir-Russja.
Qabel il-logħba l-Arġentina kienu jinsabu fis-sitt post fil-klassifika u dan kien se jfisser li huma kienu f’riskju li għall-ewwel darba sa mill-1970 ma jgħaddux għat-Tazza tad-Dinja.
Messi sar anke l-ewwel plejer fl-istorja li skurja 20 gowl fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni taz-zona CONMEBOL. F’dik li hi zona Ewropea kien l-attakkant Pollakk Robert Lewandowsi li waqqaf rekord b’total ta’ 16-il gowl f’din il-fażi.
Jum wara l-wirja mill-aqwa li kellu Messi kontra l-Ekwador, tkellem il-President tal-FIFA Infantino li qal li fl-istorja kien hemm ħafna plejers kbar li qatt ma rebħu t-Tazza tad-Dinja u hu għalhekk li jqis lill-leġġendarju Diego Maradona bħala l-aqwa ta’ kull żmien għax dan rebaħ kemm fuq livell ta’ klabb kif ukoll fuq livell ta’ nazzjonal.
Maradona kien għen lill-Arġentina tirbaħ it-Tazza tad-Dinja tal-1986 li kienet saret fil-Messiku.
Messi kien ferm viċin li jirbaħ it-Tazza tad-Dinja fl-2014 imma dakinhar it-tim tiegħu tilef il-finali kontra l-Ġermanja.
Aħbar ħażina għal Spanja
It-tim nazzjonali Spanjol mhux se jkun fost l-ogħla seeds waqt it-tlugħ tal-poloz tal-fażi tal-gruppi tat-Tazza tad-Dinja li jsir fl-1 ta’ Diċembru. It-timijiet ikunu allokati fl-urni skont il-pożizzjoni li jinsabu fiha fir-rankings tal-FIFA.
Minkejja li rebħu l-grupp, Spanja se jkunu fit-tieni urna għax ir-Russja, li tinsab fl-64 pożizzjoni fir-rankings, se tkun mal-ogħla seeds minħabba li se tkun qed torganizza l-edizzjoni. Spanja tinsab fit-tmien pożizzjoni fir-rankings mondjali.
Fl-ewwel urna se jkun hemm il-Ġermanja, l-Brażil, il-Portugall, il-Belġju, il-Polonja, l-Arġentina u Franza.
Kaka se jħalli lil Orlando City
L-eksplejer ta’ Milan li bħalissa qed jilgħab ma’ Orlando City, Kaka se jħalli lil dan it-tim fi tmiem Diċembru li ġej.
Kaka kien għamel id-debutt tiegħu fl-Istati Uniti f’Jannar tal-2015 u s’issa għadu mhux magħruf jekk dan hux se jfittex klabb ieħor jew jirtira fl-età ta’ 35 sena.
//= $special ?>