In-Nunzju Appostoliku l-ġdid ta’ Malta Mons Alessandro D’Errico llum ippreżenta l-Kredenzjali tiegħu lill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca. Matul iċ-ċerimonja, li nżammet fil-Palazz Presidenzjali fil-Belt, iż-żewġ naħat iddiskutew ir-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u s-Santa Sede.
Mons D’Errico, imwieled f’Napli fit-18 ta’ Novembru 1950, kien ordnat Saċerdot fl-1974 u kkonsagrat bħala Arċisqof Titulari ta’ Carini fl-1998. Dan wara li studja fl-Akkademja Pontifika f’Ruma u li kiseb Dottorat fil-Filosofija.
In-Nunzju Appostoliku l-ġdid, li jservi wkoll bħala Nunzju Appostoliku fil-Libja, ingħaqad fis-Servizz Diplomatiku tas-Santa Sede fl-1977.
Matul is-snin, serva wkoll bħala Nunzju Appostoliku f’numru ta’ pajjiżi, fosthom fil-Pakistan (bejn l-1999 u l-2005), fil-Bosnja Ħerzegovina (bejn l-2005 u l-2012), fil-Montenegro (bejn l-2010 u l-2012) u fil-Kroazja (bejn l-2012 u l-2017).
//= $special ?>