Uffiċjali Amerikani huma mħassba li l-vittmi min-nirien li qed jaħkmu t-Tramuntana tal-Istat ta’ Kalifornja se jiżdiedu sew. Filwaqt li l-mejta u konfermati issa qabżu l-20 persuna, hemm aktar minn 150 persuna li huma rappurtati nieqsa.
Apparti l-vittmi, hemm ukoll aktar minn 2,000 bini li nqered għalkollox f’dawn in-nirien, li bdew il-Ħadd.
Kien hemm 11 mill-vittmi konfermati f’Sonoma County filwaqt li l-belt li l-aktar sofriet ħsara kienet dik ta’ Santa Rosa fit-Tramuntana ta’ San Francisco, fejn distrett sħiħ inqered.
Uffiċjali qalu li filwaqt li għad hemm 155 persuna rappurtati nieqsa, hemm tama li dawn għadhom ħajjin u mhux qed jinstabu minħabba l-kaos li hemm.
Sadattant fost il-vittmi ta’ Napa County kien hemm raġel ta’ 100 sena u martu li kellha 98 sena.
In-nirien huma fost l-agħar li qatt kien hemm f’Kalifornja u d-duħħan tagħhom jista’ jintlemaħ minn San Francisco, li tinsab mal-100 kilometru bogħod.
Fost iz-zoni milquta hemm dawk magħrufa għall-inbid fil-Napa Valley u l-ħsara hemmhekk hi kbira.
Madwar 20,000 persuna ħarbu minn Napa, Sonoma u Yuba. Jidher ukoll li n-nixfa u inċidenza ta’ rwiefen qawwija għenu jixprunaw in-nirien u l-qerda sussegwenti fit-Tramuntana ta’ Kalifornja.
Il-Gvernatur tal-Istat ta’ Kalifornja, Jerry Brown, ikkonferma li n-nirien kienu qegħdin jheddu eluf ta’ djar fost rapporti li ħafna jiddependi fuq it-temp.
Mhux magħruf kif qabdu n-nirien matul il-lejl tal-Ħadd iżda fl-aħħar xhur, f’Kalifornja, kienet reġistrata sħana rekord minbarra nixfa persistenti li damet għal jiem.
Għad iridu jkunu kalkulati l-ispejjeż tal-ħsarat kbar fir-reġjun magħruf għall-produzzjoni tal-inbejjed fini fost l-eqqel tal-istaġun għall-ħsad tal-għeneb.
Sadattant, nirien oħra, din id-darba fin-Nofsinhar ta’ Kalifornja, qerdu aktar minn 20 dar u bini oħra fiz-zona ta’ Anaheim Hills f’Orange County u fejn ukoll irriżultat l-evakwazzjoni ta’ eluf ta’ residenti.
Tħassib li l-vittmi tan-nirien f’Kalifornia se jiżdiedu sew


