Lokali

Titnieda l-kampanja tal-Piggy Bank b’risq L-Istrina

Illum tnediet l-14-il edizzjoni tal-kampanja tal-Piggy Bank fl-iskejjel kollha ta’ Malta u Għawdex b’risq L-Istrina.

Il-Kampanja tnediet waqt laqgħa għall-Kapijiet tal-Iskejjel f’Malta u Għawdex li saret fil-Palazz ta’ Verdala.

Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca f’diskors tal-okkażjoni qalet li “l-ħidma tal-Malta Community Chest Fund Foundation hija kollha dwar l-għajnuna lill-persuni vulnerabbli”.

Il-President sostniet li “L-Istrina mhijiex attivita’ tas-26 ta ‘Diċembru biss, iżda huwa vjaġġ ta’ sena ta’ attivitajiet ta’ ġbir ta ‘fondi, u ċelebrazzjoni.

Qalet ukoll li t-talbiet lill-Malta Community Chest Fund Foundation dejjem qegħdin jiżdiedu u għalhekk il-Malta Community Chest Fund Foundation qed tkabbar l-isforzi tagħha biex tkunu tista’ tissodisfa t-talbiet tas-soċjetà.

Matul dawn il-ġimgħat, il-flus li jinġabru waqt il-kampanja tal-Piggy Bank se jkunu preżentati waqt L-Istrina, l-għada tal-milied. L-Għan ta’ din il-kampanja fl-iskejjel hu biex inrawmu l-valur tas-solidarjetà fost it-tfal tagħna.

Mill-ewwel kampanja tal-Piggy Banks inġabru aktar minn €1.3 miljun.