Lokali Qorti

“Vendetta personali minn min ried jagħmilli l-ħsara” – Alfred Mifsud

“Meta ċemplitli Daphne Caruana Galizia, kont għedtilha li dan kien każ ta’ vendetta personali mis-Sinjura Zelbst”. Dan qalu l-eks Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali Alfred Mifsud meta dalgħodu xehed fil-kawża ta’ libell li fetaħ kontra Daphne Caruana Galizia. Anna Zelbst hi l-eks sieħba ta’ Alfred Mifsud.

Alfred Mifsud ħassu malafamat minn post fuq il-blog ta’ Daphne Caruana Galizia f’Ġunju tal-2016 li fih allegat li hu rċieva flus minn ċertu Ronnie Demajo. Dan sabiex il-Mid-Med Bank – li tiegħu Alfred Mifsud kien Chairman bejn l-1996-1998 – jixtri s-software ta’ kumpanija Amerikana Eastpoint li kienet rappreżentata mill-kumpanija ta’ Demajo.

Quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale, Alfred Mifsud qal li ġieli ltaqa’ ma Ronnie Demajo f’ċertu okkażjonijiet u sostna Zelbst kienet taf lil Ronnie Demajo iktar minnu. Kien wara li bdiet ir-relazzjoni ta’ bejniethom, li Ronnie Demajo kien stedinhom id-dar tiegħu. Mistoqsi mill-Avukat Pawlu Lia, Alfred Mifsud qal li ma kienx jaf li Ronnie Demajo kellu xi rabta mal-kumpanija li żviluppat dan is-software. Barraminhekk, id-deċiżjoni dwar ix-xiri tas-software kienet għal kollox f’idejn il-Bord tad-Diretturi tal-Bank.

“Kien biss meta ġejt biex niffirma l-kuntratt li skoprejt li d-ditta ta’ Demajo kienet ir-rappreżentant ta’ Eastpoint,” xehed Mifsud.

Hu kompla li l-post ta’ Caruana Galizia ħarġet tliet ġimgħat qabel ma’ kellu jinħatar Gvernatur tal-Bank Ċentrali fl-1 ta’ Lulju tal-2016. Alfred Mifsud qal li “Mrs Zelbst kellha l-mottivi tagħha” u fil-Qorti esibixxa sms li fih Zelbst kitbitlu “Daphne will come in handy.” Kompla li meta ċemplitlu Daphne Caruana Galizia, hu kien qallha li dan kien każ ta’ vendetta personali.

Mifsud kompla x-xhieda tiegħu u qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat kien bagħat għalih u kien ikkonferma l-intenzjoni tiegħu li jinnominah bħala Gvernatur tal-Bank Ċentrali kif jintemm it-terminu tal-Professur Josef Bonnici. Hu qal li ma riedx jagħmel ħsara lill-istituzzjoni u ftit jiem wara, qal lill-Prim Ministru biex ma jibqax jikkonsidrah għall-kariga. Eventwalment, il-Gvern kien innomina lil Mario Vella fil-kariga. Alfred Mifsud baqa’ fil-kariga ta’ Deputat Gvernatur sakemm irtira f’Ġunju li għadda.

Alfred Mifsud kompla li l-2006, Anna Zelbst għamlet l-istess allegazzjonijiet lill-pulizija iżda kien biss meta kienu ripetuti fil-blog is-sena li għaddiet li l-Pulizija bagħtu għalih diversi drabi u kienu qed jinvestigaw.

Hu qal li dan il-post kien segwit b’post ieħor fuq l-istess blog ta’ Caruana Galizia fejn kien allegat li hu “ħasel” (laundered) il-flus li allegatament irċieva mingħand Demajo permezz ta’ kontijiet ta’ terzi persuni. Alfred Mifsud qal li l-pulizija għamlet l-investigazzjonijiet tagħha iżda ma rriżulta xejn.

 

Il-każ ikompli ix-xahar id-dieħel bil-kontroeżami tal-istess Alfred Mifsud.

L-Avukat Pawlu Lia qed jassisti lil Alfred Mifsud filwaqt li l-Avukat Joseph Zammit Maempel qed jidher għal Daphne Caruana Galizia.