Lokali

FILMAT: “Il-550kg droga nstabet moħbija fi xkafef fil-qiegħ tat-trakkijiet”

Net News tkellem mal-Assistent Kummissarju Dennis Theuma fejn spjega l-operazzjoni tal-Pulizija f'din il-qabda rekord ta' droga

Wara li dan il-lejl saret l-akbar qabda ta’ droga mill-Pulizija – f’konferenza tal-aħbarijiet l-Assistent Kummisarju tal-Pulizija Dennis Theuma, flimkien mal-Ispettur Kevin Pulis li ħadem fuq l-investigazzjoni, stqarr li wara operazzjoni twila u delikata l-Pulizija arrestat ħames persuni li kienu marbuta ma’ din l-attivita’ illegali.

F’din l-operazzjoni li l-Pulizija ilha ssegwi għal xi żmien, saret qabda ta’ 550 kilogramma tad-droga kannabis mqassma fi tliet vetturi, flimkien ma’ €100,000 fi flus kontanti. 530kg minn din il-qabda hi raża tal-kannabis, filwaqt li 20kg hi pjanta tal-kannabis. Ara r-ritratti tal-operazzjoni ppubblikati fuq il-media soċjali mill-Korp tal-Pulizija:

Skont id-dettalji li ta l-Assistent Kummissarju flimkien mal-Ispettur Kevin Pulis, jidher li d-droga nstabet f’żewġ trakkijiet f’garaxx fil-Fgura bi pjanċi tar-reġistrazzjoni Taljani, u karozza rreġistrata Malta f’parkeġġ f’San Ġiljan. L-Assistent Kummissarju Dennis Theuma stqarr li l-ammont li nqabdat tant hu kbir li l-Pulizija qed issibha diffiċli biex tagħti l-prezz tagħha fis-suq – pero hu żgur li din hi ċifra li tidħol fil-miljuni.Fil-lejl ta’ bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa, il-Pulizija qabdet ħames minn nies li kien l-moħħ wara dan l-ammont kbir ta’ droga. Il-persuni li ġew arrestati huma żewġ Taljani, żewġ Sloveni u Malti, u li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn il-35 u s-60 sena. Il-Malti għandu qrib l-erbgħin sena.

F’mistoqsijiet minn Net News, l-Assistent Kummissarju stqarr li d-droga nstabet fi xkafef moħbija fil-qiegħ ta’ trakk, u li kien grazzi għall-esperjenza tal-iskwadra tal-Pulizija ta’ kontra d-droga li sabu din il-moħba. Dennis Theuma stqarr ukoll li dawn il-ħames persuni li ġew arrestati u milli jidher qegħdin jikkollaboraw mal-Pulizija fl-investigazzjoni. Stqarr ukoll li l-oriġini ta’ minfejn ġiet importanta u t-tkabbret din il-pjanta ma tistax tkun verifikata għalissa – iżda l-maġġor parti li tiġi importata f’pajjiżna tkun ġejja mill-Marokk.

L-inevstigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin, hekk kif fil-jiem li ġejjin se jitressqu dawn il-ħames persuni quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli.