Aġġornata b’dettalji minn konferenza tal-aħbarijiet indirizzata minn David Agius
“Irrid nibqa’ nkun persuna viċin in-nies, biex bl-esperjenza Parlamentari, nqarreb il-Partit Nazzjonalista lejn in-nies.”
Qal dan id-Deputat David Agius, f’konferenza tal-aħbarijiet ftit wara li ppreżenta n-nomina tiegħu għall-elezzjoni ta’ Viċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari. Hu ppreżenta n-nomina tiegħu lis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Rosette Thake l-Ġimgħa waranofsinhar.
Ftit wara, f’konferenza tal-aħbarijiet, ma’ NET News spjega li kienu l-irwoli kollha li okkuppa tul is-snin li żammewh il-ħin kollu enerġetiku, leali u fuq kollox qrib in-nies, b’David Agius jinsisti li jekk ikun elett Viċi Kap, dak li jrid jibqa’ jkun: persuna qrib in-nies bil-għan prinċipali li jqarreb il-Partit Nazzjonalista lejn in-nies.
“Jiena persuna li kont viċin in-nies, għadni viċin in-nies u se nibqa’ viċin in-nies, u nixtieq nara li din il-kariga tkun ukoll kariga li tinżel dejem viċin in-nies biex il-Parlament Malti nġibuh dejjem aktar viċin in-nies,” spjega David Agius. “Il-mistoqsijiet Parlamentari u d-diskorsi tagħna għandhom ikunu dak li qed iħossu n-nies. Ovvjament din hija wkoll il-politika tal-kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista, li nkunu viċin in-nies. U naħseb li l-Partit Nazzjonalista, jekk jimxi f’din it-triq inkunu nistgħu nagħmlu passi ‘l quddiem,” żied jgħid.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, David Agius ta ħarsa lejn is-CV tiegħu, u l-irwoli li okkuppa tul is-snin, waqt li fisser kif f’dan il-mument ħass li għandu jkun ta’ servizz fir-rwol ta’ Viċi Kap tal-Partit għall-Ħidma Parlamentari, kariga li titlob għarfien sħiħ ta’ kif jaħdem il-Parlament u tal-ħidma Parlamentari.
David Agius qal li kien ilu erba’ leġislaturi fil-Parlament Malti, b’għaxar snin iservi bħala Whip u ħames snin bħala Chairman tal-Kumitat fejn jgħaddu l-liġijiet, apparti numru ta’ kumitati oħra.
“Naħseb li għandi esperjenza biex ngħin lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, li għadu qed jagħmel l-ewwel passi fil-Parlament Malti, biex ikollu spalla qawwija b’saħħitha, b’esperjenza, ta’ kif nistgħu nimxu ‘l quddiem fil-Parlament Malti,” żied jgħid.
David Agius saħaq li huwa importanti ħafna li dawk kollha li se jivvutaw fl-elezzjoni jagħmlu għażla għaqlija li twassal biex il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jkun fil-Gvern.
“Li hu żgur huwa li fl-aħħar ta’ dan il-proċess irid ikun hemm rebbieħ wieħed – il-Partit Nazzjonalista,” temm jgħid David Agius.
Intant, għall-kariga ta’ Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Parlament sa issa daħlu żewġ nomini: tad-Deputat Edwin Vassallo u tad-Deputat David Agius. Għall-kariga ta’ Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit daħlet nomina waħda: tad-Deputat Robert Arrigo.
//= $special ?>