“Jekk ma nirrikonoxxux il-problema fl-edukazzjoni, inkunu qed nagħmlu disservizz lejn il-pajjiż.” Qal dan il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers Josef Vella meta tkellem dwar l-isfidi ewlenin fil-qasam tal-edukazzjoni, fosthom l-aktar problema riċenti, dik ta’ nuqqas ta’ għalliema.
Hu kien qed jitkellem fi tmiem laqgħa li l-UĦM kellha mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni u Kandidat għall-elezzjoni ta’ Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Robert Arrigo.
Fil-preżenza ta’ uffiċjali u managers tas-servizzi tal-UĦM, Josef Vella qal li pajjiżna bħalissa jinsab f’salib it-toroq, fejn lura ma jistax imur, iżda fl-istess waqt irid jara li jkun imħejji sew għall-futur billi jħejji lill-ħaddiema b’mod li jkunu jistgħu joffru servizzi u prodotti ta’ kwalità għolja.
Josef Vella ammetta li pajjiżna għadu ma wasalx s’hemm, fejn għad għandna rata għolja ħafna ta’ early school leavers, b’detriment fuq il-kwalità tal-prodotti u s-servizzi li pajjiżna joffri.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Robert Arrigo qal li hu lest jgħin mal-istakeholders kollha, partikolarment il-UĦM, biex jinfetħu l-bibien għal dawk li ħarġu mill-edukazzjoni, jew inkella li mhux qed jingħataw l-attenzjoni. Robert Arrigo żied li dan għandu jsir biex naraw fejn jistgħu jittejbu l-ħiliet ta’ dawn in-nies.
Fl-indirizz tiegħu lil dawk preżenti, Robert Arrigo rrefera wkoll għall-budget li ġie preżentat fil-bidu ta’ din il-ġimgħa, bil-Kandidat għal Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista jinnota li b’żieda ta’ €1.75 fil-ġimgħa, il-ħaddiema baqgħu fejn kienu.
Dwar il-budget, Josef Vella nnota b’dispjaċir li wara xhur ta’ taħdidiet dwar il-proposti tal-imsieħba soċjali, il-Gvern għażel li ma jinkludix proposta waħda tal-imsieħba soċjali.
Imma min-naħa tiegħu, Robert Arrigo impenja ruħu li jiddjaloga mal-imsieħba soċjali bl-iskop li l-ħaddiema kollha jitilgħu ‘l fuq, b’kundizzjonijiet, xogħlijiet u pagi aħjar. Għal dan il-għan, id-Deputat Robert Arrigo temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista saħansitra lest li jidħol għal biċċa xogħol mill-Oppożizzjoni, fejn jgħin lill-Gvern biex Malta jkollha ħaddiema b’kundizzjonijiet u pagi aħjar.