Lokali

FILMAT: Jgħid li ma kienx hemm għalfejn konsultazzjoni għax rebħu l-elezzjoni

La ntrebħet l-elezzjoni, ma kienx hemm għalfejn konsultazzjoni. Kien dan fil-qofol tar-risposti tal-Ministru Owen Bonnici, meta kien mistoqsi minn NET News dwar il-mod kif il-Gvern qed iżarma lill-Kunsilli Lokali.

NET News għamel il-mistoqsijiet tiegħu dwar il-mod kif il-Gvern iddeċieda li joħloq Aġenzija biex jieħu r-responsabbiltà tat-toroq kollha minn idejn il-Kunsilli Lokali.

Meta mistoqsi minn NET News meta kkonsulta mal-Kunsilli Lokali dwar din id-deċiżjoni, il-Ministru responsabbli mill-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li l-poplu ġġudika, bir-raġuni tiegħu tkun li ladarba saret elezzjoni, ma kienx hemm għalfejn konsultazzjoni.

“Aħna kkonsultajna mal-poplu Malti kollu. Aħna kkonsultajna f’elezzjoni ġenerali fejn dan il-manifest kien għall-iskrutinju tal-pubbliku kollu, u l-pubbliku ta madnat b’saħħtu lil dan il-Gvern biex iwettaq il-wegħda ewlenija,” qal Owen Bonnici.

Ħafna li tkellmu ma’ NET News qalu li ma jaqblux mal-Gvern, li mossa bħal din se ttaffi mill-problema ta’ nuqqas ta’ fondi allokati lill-Kunsilli Lokali, għax jekk xejn, kellu jkun il-Gvern li jalloka aktar fondi għat-toroq, u mhux jieħu din ir-responsabbiltà kompletament minn taħt idejn il-Kunsilli Lokali.

Sadanittant, dwar id-deċiżjoni tal-Gvern li joħloq Aġenzija li tamministra t-toroq, il-Partit Nazzjonalista qal permezz tal-kelliema tiegħu Marthese Portelli u Robert Cutajar, li filwaqt li x-xogħol jiġi amministrat mill-aġenzija, d-deċiżjonijiet dwar liema toroq għandhom isiru jittieħdu mill-Kunsilli Lokali.

FILMAT: Il-Partit Nazzjonalista lest jgħin lill-Gvern bla pjan biex ma jkomplix iżarma l-Kunsilli Lokali