Gerardu Galea instab ħati bl-omiċidju ta’ John Spiteri ta’ 45 sena f’każ li seħħ erba’ snin ilu f’Marsalforn, Għawdex.
Filwaqt li Galea, ta’ 76 sena, nstab ħati tal-ewwel kap t’akkuża b’sitt voti favur u tlieta kontra, l-ġurija spjegat li l-akkużat kien ipprovokat, bis-sentenza massima dwar din l-akkuża issa tkun dik ta’ sentejn priġunerija.
Galea ma nstabx ħati tal-attentat ta’ qtil ta’ iben il-vittma, Matthew Spiteri ta’ 20 sena. Huwa ma nstabx ħati lanqas li kkaġuna ħsara volontarja fuq il-vetturi.
Kif spjegat mill-prosekuzzjoni, l-omiċidju seħħ meta l-vittma w ibnu Matthew kienu qed jiżbru s-siġar u jwaħħlu xi arbli żgħar fil-parkeġġ fil-Qbajjar bi tħejjija għall-gabbana li kellhom jiftħu għall-istaġun tas-sajf.
Mill-istħarriġ tal-pulizija ħareġ ċar li filwaqt li l-vittma u ibnu kienu qed jiżbru s-siġar, Galea mar fuqhom nkorlat dwar x’kienu qed jagħmlu.
Kien hawnhekk li l-akkużat rikeb fil-vettura u rriversja għal fuqhom. Filwaqt li l-iben kien fortunat biżżejjed biex irnexxielu jevitah, missieru John spiċċa mtajjar u konsegwenza t’hekk tilef ħajtu fl-isptar 5 sigħat wara l-inċident.
Għaldaqstant fil-jiem li ġejjin il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Antonio Mizzi, ser tkun qed tagħti s-sentenza.
//= $special ?>

