Futbol Sport

Gianni Infantino jindika li l-VAR se tintuża għat-Tazza tad-Dinja

Il-President tal-FIFA Gianni Infantino

Il-President tal-FIFA Gianni Infantino qal li hemm bżonn li tkun użata l-VAR anki fil-partiti ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja. Infantino kkumenta fuq il-gowl fantażma li bih il-Panama ġabu d-draw momentarju kontra l-Costa Rica li wassal biex rebħu l-logħba u kkwalifikaw.

L-Iżvizzeru ppreċiża li l-problema mhux ir-referees tal-logħba. Hu sostna li meta kulħadd jara l-azzjoni fi ftit sekondi, ir-referee jkun l-uniku ma jarax u għalhekk sostna li għandu jkollu l-possibbiltà li jikkoreġi l-iżball. Infantino kompla jgħid li l-futbol għandu javvanza pass pass mat-teknoloġija.

Gianni Infantino jrid idaħħal il-VAR fil-kompetizzjonijiet kollha internazzjonali, bl-ewwel test prinċipali mistenni jkun it-Tazza tad-Dinja tas-sena d-dieħla. “Ninsabu lest li ndaħħlu fil-prattika u l-ebda test li għamilna ma kien negattiv. Meta ntużat it-teknoloġija, il-VAR ikkonfermat jew ikkoreġit deċiżjoni tar-referee.”

Il-President tal-FIFA kompla jisħaq l-importanza tal-assistenti referees li jiġġudikaw l-azzjonijiet minn barra. “L-għan mhux li tibdel l-iżbalji ż-żgħar bħal throw-in, imma l-iżbalji l-kbar.”