Futbol Sport

Hibernians jiksbu rebħa minima iżda meritata

Ivan Paz jiddefendi l-ballun minn Marko Sahanek (Ritratt: Matthew Tabone)

SENGLEA A…………..0

HIBERNIANS…………1

Senglea: T. Aquilina, J. Bondin, J. Leyton, S. Bonnici, S. Uyi, M. Garzia, H. Vella (M. del Negro 66’), N. Virano, I. Paz, T. Vella, N. Palmieri

Hibernians: A. Hogg, M. Dias, M. Kreuzriegler, A. Agius, R. Soares, C. Failla, D. Vella, J. Bezzina, J. Elias dos Santos, M. Sahanek (J. Lima 69’), J. Degabriele

Imwissija: H. Vella 51’, M. Garzia 56’, T. Aquilina 91’ (S), A. Agius 77’ (H)

Skorja: D. Vella 13’ (H)

Referee: Malcolm Spiteri

Assistenti Referees: Edward Spiteri, Thomas Debono

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Jurgen Degabriele (Hibernans)

Hibernians irritornaw għar-rebħ b’rebħa meritata fuq Senglea Athletic. Ir-riżultat ta’ 1-0 jista’ jindika li l-logħba kienet bilanċjata, iżda matul il-logħba, Hibernians kienu l-aħjar tim fejn skorjaw fl-aħjar mument tagħhom u kkontrollaw il-logħba.

Senglea kellhom prestazzjoni sodisfaċenti hekk kif qasmu l-logħob mal-avversarji f’ħafna ħinijiet mil-logħba u pruvaw isalvaw il-logħba fl-aħħar għaxar minuti, madankollu ma kinux perikolużi. F’dak il-mument Hibernians setgħu għalqu l-logħba iżda fallew diversi okkażjonijiet.

Il-kowċ Mark Miller se jkun kuntent bil-punti speċjalment meta wieħed jikkunsidra li kellu xi plejers neqsin filwaqt li oħrajn ma kinux fl-aħjar kundizzjoni.

Hibernians fetħu l-iskor fit-13-il minuta. Kien kross ta’ Clayton Failla li sab lil Dunstan VELLA li b’daqqa ta’ ras li kienet mxellfa għeleb lil Timmy Aquilina. Il-Pawlisti kienu għoddhom skorjaw it-tieni gowl fis-27 minuta meta xutt ta’ Sahanek kien imdawwar f’korner b’Aquilina jsalva mingħajr ma jżomm.

L-andament tal-logħba baqa’ l-istess fit-tieni taqsima, b’Hibernians ikunu l-aktar tim avventuruż. Fl-54 minuta Marcelo Dias għadda lejn Jurgen Degabriele li xxutja ftit mill-bogħod iżda x-xutt kien salvat minn Aquilina.

Ftit wara s-siegħa logħob, Dunstan Vella reġa’ resaq qrib b’xutt b’saħħtu minn pożizzjoni ċentrali li kien salvat tajjeb. Ħames minuti wara, Ivan Paz prova bi free-kick li għadda għoli. Disa’ minuti wara, l-istess plejer reġa’ prova bi free-kick ieħor li kien salvat minn Hogg.

Senglea nfetħu aktar fl-aħħar ftit u dan wassal biex Hibernians kellhom aktar spazju. Fil-81 minuta, Failla falla ċans tajjeb, bix-xutt jgħaddi fuq il-lasta wara kross ta’ Elias dos Santos. Żewġ minuti wara, Johann Bezzina seta’ żgur għamel aħjar b’xutt fil-baxx mill-viċin li għadda barra.