Lokali

“Il-Gvern bla pjan quddiem kriżi bla preċedent fis-settur edukattiv”- Il-PN

“L-Oppożizzjoni lesta tgħin iżda l-Gvern għandu jieqaf jinsulta lill-għalliema”

Saħaq dan il-Partit Nazzjonalista permezz ta stqarrija f’isem Therese Comodini Cachia, kelliem għall-edukazzjoni u x-xogħol.

L-istqarrija tgħid li quddiem il-kriżi bla preċedent li jinsab fiha s-settur edukattiv – kawża ta’ nuqqas ta’ azzjoni mill-Gvern Laburista – dan il-Gvern jinsab bla pjan, u flok jindirizza l-isfidi li għandu quddiemu, spiċċa jinsulta lill-għalliema. L-Oppożizzjoni, minn naħa l-oħra, ma tridx li l-edukazzjoni tispiċċa ballun politiku, u għalhekk, lesta li tgħin. Minn naħa tiegħu, iżda l-Ministru Evarist Bartolo, l-anqas ħaġa li għandu jagħmel f’dan l-istadju hi li jirrikonoxxi din il-kriżi u mhux ikompli jħalli kollox għaddej għal rieħu.

Il-PN kompla jgħid likif anke qed tinsisti l-Union tal-Għalliema, l-messaġġ li qed jintbagħat dwar il-professjoni tal-għalliema hu offensiv u ta’ diżrispett, mhux biss lejn l-għalliema nfushom li jagħmlu snin sħaħ jistudjaw biex jigradwaw, iżda lejn l-istudenti nfushom u l-ġenituri tagħhom li jafdaw lill-uliedhom għand l-istess għalliema. Dan ħareġ b’mod partikolari bl-appell tal-Gvern biex fil-klassijiet jibgħat studenti li għadhom qed jingħataw l-għarfien ta’ kif għandhom imexxu klassijiet ta’ studenti.

L-istqarrija tkompli tgħid li konferma ta’ kemm dan il-Gvern hu bla pjan hu l-fatt li l-istess Gvern ħalla s-sena akkademika tibda b’nuqqas ta’ għalliema u b’effett negattiv fuq is-servizzi li jingħataw fl-iskola, fosthom dawk tal-guidance. Dan minbarra l-fatt li hu evidenti li l-għalliema qed jiġu mċaħħda minn pagi u kundizzjonijiet xierqa għal xogħlhom.

Therese Comidini Cachia ssostni li l-Gvern għandu l-ewwel jirrikonoxxi din il-kriżi, u jagħmel pjan ta’ kif se jindirizzaha, fosthom il-ħtiġijiet li għandhom bżonn l-għalliema, jgħaġġel in-negozjati dwar il-ftehim settorjali u jieħu d-deċiżjonijiet li għandu jieħu f’wieħed mill-aktar setturi importanti f’pajjiżna.