Il-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista jħoss li dan il-budget li għadu kif ġie ippreżentat mill-gvern juri biċ-ċar li minkejja li issa ilu ħames snin fil-gvern xorta baqa mingħajr l-ebda pjan. Għandna gvern li tilef ir-ruħ soċjali għaliex ma ndirizzax il-problema kbira tal-kera, li qed toħloq tant miżerja lill-familji Maltin. Naqas li jindirizza r-riforma tal-pensjonijiet, il-kontijiet tad-dawl u l-ilma kif ukoll il-problema tal-ħaddiema tal-Air Malta, l-infrastruttura u l-ħaddiema tal-manifattura.
Il-kriżi fl-edukazzjoni vis-a vis in-nuqqas t’għalliema qed tħasseb lil ħafna familji. Mid-dehra għall-gvern din mhux problema. Il- wegħdiet ta’ skejjel ġodda baqaw l-istess bħal tas-sena li għaddiet. Minbarra l-għotja lil dawk li ser jaddottaw, u transport b’xejn ( xi ħaġa li kien ippropona il-Partit Nazzjonalista) ma ingħatatx żieda xierqa li tirrifletti ir-realta’ tal-għoli tal-ħajja kemm lill-ħaddiema kif ukoll lil-anzjani. Xejn ma ssemma’ dwar kif ser tissolva il-problema tat-traffiku. Dan minbarra il-fatt li l-prezz tal-fuel baqa fost l-ogħla fl-Ewropa. Is-surplus li jiftaħar bih il-gvern imissu jintuża biex itaffi il-problemi tas-Social Housing kif ukoll jingħata lura lill-poplu f’żidied fil-pensjonijiet u lil dawk li qegħdin fix-xifer tal-faqar. Biex issir ġustizzja soċjali l-Gvern għandu jara li jgawdi kullħadd u mhux il-ftit.
//= $special ?>