Internazzjonali

Ingliża membru tal-ISIS tinqatel minn drone fis-Sirja

Mara Ingliża nvoluta membru tal-ISIS qed tingħad li nqatlet fis-Sirja waqt attakk minn drone tal-Istati Uniti. Intant, qed jidher ukoll li binha ta’ 12 il-sena (fuq il-lemin tar-ritratt waqt li jwettaq esekuzzjoni) ukoll tilef ħajtu f’dan l-attakk.

Rapporti mill-media tar-Renju Unit irreferew għall-qtil ta’ Sally Jones, imlaqqma ‘The White Widow’, li, fost oħrajn, kienet tirrekluta l-militanti għal mal-ISIS minn fuq l-Internet.
Jones, li kienet ġejja min-naħa t’isfel tal-Ingilterra, kienet miżżewġa lil militanti, Junaid Hussain, li kien ukoll membru tal-ISIS u li wkoll kien spiċċa maqtul minn drone, fl-2015. Qabel issieħbet fil-ġiħad, Jones kienet tkanta ma’ grupp tal-mużika Punk u waqt li fl-aħħar snin kienet attiva ħafna għar-reklutaġġ ta’ militanti, hi anki ċirkulat messaġġi ta’ propaganda fuq il-media soċjali.

Il-gazzetta The Sun, waqt li kwotat sors tas-servizzi sigrieti Britanniċi, sostniet li Jones u binha kienu nqatlu proprju f’Ġunju li għadda, bl-attakk bid-drone jikkonċentra fuq artijiet tas-Sirja qrib il-fruntiera mal-Iraq. Ingħad li l-‘White Widow’ inqatlet waqt li kienet qed tipprova taħrab mill-belt ta’ Raqqa, li hi fortizza ewlenija tal-ISIS.

Madankollu, il-kapijiet tas-servizzi sigrieti fl-Istati Uniti kienu kwotati li ‘ma setgħux ikunu mija-fil-mija ċerti li nqatlet Sally Jones’, peress li ma hemm l-ebda metodu biex huma jirkupraw xi DNA mill-art inkwistjoni. Fl-istess ħin, is-servizzi huma ‘fiduċjużi li l-Black Widow inqerdet mid-drone’. Intant, minkejja l-indikazzjonijiet li nqatel ukoll binha, il-preżenza tiegħu ma’ ommu ma kenitx magħrufa fil-ħin tal-attakk bid-drone.