B’kollox daħlu erba’ nomini għal żewġ elezzjonijiet separati li se jsiru biex jiġu eletti żewġ Viċi Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista, hekk kif issa għalaq iż-żmien li fih setgħu jiġu sottomessi n-nomini.
Għall-kariga ta’ Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Parlament daħlu b’kollox żewġ nomini: waħda mid-Deputat Edwin Vassallo u oħra mid-Deputat David Agius.
Għall-kariga ta’ Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit ukoll daħlu żewġ nomini, din id-darba mid-Deputati Robert Arrigo u Toni Bezzina
Peress li hemm żewġ nomini għal kull kariga, il-Viċi Kapijiet se jiġu eletti biss mill-Konvenzjoni Ġenerali fit-18 ta’ Novembru. Dan ifisser li t-tesserati tal-Partit Nazzjonalista se jivvutaw direttament huma għaż-żewġ Viċi Kapijiet.
Mill-banda l-oħra, il-Kunsill Ġenerali tal-4 ta’ Novembru xorta waħda se jsir, u dan sabiex isiru elezzjonijiet għall-President tal-Kunsill Ġenerali u għat-18-il rappreżentant tal-Kunsill Ġenerali fil-Kumitat Eżekuttiv.