Internazzjonali

Jikber l-iskandlu ta’ Hollywood

L-iskandlu madwar il-produttur ta’ Hollywood, Harvey Weinstein (ritratt), kompla jikber wara li l-attriċi famuża Rose McGowan (ritratt) akkużatu pubblikament li kien stupraha.
McGowen, permezz ta’ messaġġi fuq Twitter, anki akkużat lill-Kap ta’ Amazon Studio, Roy Price, b’li kien injoraha meta hi, aktar qabel, ħarġet bl-allegazzjoni.
Sadattant, l-amministraturi ta’ Amazon Studio sfurzaw lil Price biex ma jidħolx għax-xogħol għal perjodu indefinittiv. Dan meta l-istess Kap qed jiffaċċja akkużi li kien ippersegwita mara li taħdem bħala produttur b’intenzjoni sesswali.
Il-Pulizija fl-Istati Uniti u r-Renju Unit, intant, bdew jinvestigaw allegazzjonijiet ta’ aggrediment sesswali kontra Weinstein.
F’każ partikulari, id-Dipartiment tal-Pulizija fi New York qed jindaga allegazzjoni li tmur lura għall-2004 minbarra li jirrevedi jekk jistgħux hemm ‘ilmenti addizzjonali’ min-naħa ta’ vittmi potenzjali. Fl-istess ħin, il-Pulizija Metropolitana ta’ Londra wasslitilha allegazzjoni ta’ ‘aggrediment sesswali fil-kapitali’ li seħħ fis-snin tmenin.
Aktar qabel, tliet nisa kienu akkużaw lil Weinstein dwar stupru f’artiklu investigattiv li deher fil-ġurnal The New Yorker. Dawn huma l-attriċi Taljana, Asia Argento; Lucia Evans li kienet qed tittama li ssir attriċi u tielet mara li baqgħet anonima. L-istess artiklu qal li 10 nisa oħra żvelaw li Weinstein kien ‘attakkahom jew ippersegwitahom sesswalment’ bejn is-snin disgħin u l-2015.