Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean-Claude Juncker, qal li ma jappoġġjax l-indipendenza tar-reġjun ta’ Katalonja mill-kumplament ta’ Spanja. Dan waqt li tenna l-inkwiet li ‘reġjuni oħrajn fl-Ewropa jistgħu jsegwu l-istess triq tas-separatiżmu’.
Meta kellem lill-istudenti fil-Lussemburgu, Juncker wissa li sitwazzjoni ta’ Katalonja indipendenti tista’ tirriżulta f’reġjun ikkumplikat wisq għall-amministrazzjoni min-naħa tal-Unjoni Ewropea.
Spanja ilha għaddejja minn taqlib mindu l-Gvern separatista f’Katalonja organizza r-referendum polemikuż għall-indipendenza fl-1 ta’ Ottubru li għadda. Il-vot, li kien iddikjarat invalidu mill-Ogħla Qorti Spanjola, kellu konkorrenza ta’ 43 fil-mija fost il-votanti Katalani li 90 fil-mija tagħhom appoġġjaw l-indipendenza.
L-Unjoni Ewropea għamlitha ċara li jekk Katalonja tinfired minn Spanja, ir-reġjun ma jkomplix ikun parti mill-grupp ta’ Stati Ewropej. L-UE insistiet ukoll li l-kwistjoni tal-indipendenza trid tkun deċiża minn Spanja. Dan waqt li Juncker saħaq li ma jridx sitwazzjoni, fi żmien 15 il-sena, ‘fejn l-UE tkun tikkonsisti minn xi 90 Stat’.
Il-kummenti tiegħu ngħataw wara li l-Prim Ministru Spanjol, Mariano Rajoy, ta lill-Kap separatista ta’ Katalonja, Carles Puigdemont, sa ħamest ijiem biex jgħid jekk hu iddikjarax l-indipendenza tar-reġjun minn Spanja jew le.
//= $special ?>

